“Xi Ġenituri Qed Jagħżlu Li Jkellmu Lil Uliedhom Bl-Ingliż Biss U Jċaħħduhom Mil-Lingwa Tagħhom” – Il-Profs Adrian Grima

F'indirizz li ta għal Jum il-Vitorja, il-Kap tad-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta' Malta, il-Professur Adrian Grima, tkellem dwar l-ironija li qed naffaċjaw illum il-ġurnata fejn "xi ġenituri u nanniet qed jagħżlu li jkellmu lil uliedhom u lin-neputijiet bl-Ingliż biss u jċaħħduhom mil-lingwa tagħhom". Hu qal dan filwaqt li rrikonoxxa l-opportunitajiet diversi li tagħti lok għalihom l-abbiltà li wieħed jitħaddet b'iżjed minn lingwa waħda.

Il-Profs Grima kompla billi rrefera għall-istorja ta' pajjiżna li hu jispjega kif twassal b'mod ċar messaġġ wieħed; dak li Malta għandha tittollera l-użu ta' bosta lingwi, iżda għandha dejjem fl-aħħar mill-aħħar tagħti prijorità lil-lingwa nattiva tagħha.

Saħaq ukoll dwar l-importanza li "ċ-ċittadini kollha ta' pajjiżna - huma min huma, ġew minn fejn ġew - ikollhom ħakma tajba tal-ilsien Malti". Hu fisser kif dan hu meħtieġ jekk nixtiequ li Malta jkollha "komunità waħda li tifhem l-istess lingwa".

Fi tmiem l-intervent tiegħu, il-Kap tad-Dipartiment tal-Malti semma kif matul dawn l-aħħar snin seħħew għadd ta' inizjattivi sabiex l-għarfien tal-ilsien Malti jkompli jikber u jissaħħaħ. Fost oħrajn semma l-proġett tad-dizzjunarju Malti diġitali li ħareġ b'xejn għall-użu tal-pubbliku xi ġimgħat ilu. Hu tenna l-importanza li din il-ħidma tissokta sabiex l-ilsien Malti jkun protett.

Ritratti:

Facebook / Adrian Galea

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI