Sfortunatament ħarġet l-aħbar li ħalliena lbieraħ Galen Sammut, magħruf bħala ’il-Pajju’. Galen u sħabu kienu miftehma li joħorġu jiċċelebraw għeluq sninu, hekk kif għadu kif għalaq 39 sena, iżda l-ħarġa…ma saritx, għax bħal sajjetta fil-bnazzi, Sammut ħalliena.
“Il-komunità Karkariża, partikolari dawk involuti fil-futbol lokali u li huma partitarji tal-klabb ta’ Birkirkara F.C., jinsabu maħsuda hekk kif fl-aħħar sigħat tħabbret il-mewt mhux mistennija ta’ Galen Sammut ta’ 39 sena,” kitbet il-paġna ta’ Replay (Net Television).
“Sammut, li kien wieħed mill-partitarji li xemx u xita dejjem kont taraħ fost il-partitarji tal-Istripes isegwi lit-tim tar-raħal tiegħu, miet l-għada ta’ għeluq sninu u ħbieb li tkelmu ma’ Replay qalulna li tant kemm din l-aħbar kienet mhux mistennija, li llejla hu u sħabu kienu miftehmin sabiex joħorġu biex jiċċelebraw għeluq sninu. Sammut, li kien magħruf ma’ ħafna bil-laqam ta’ ‘il-Pajju’, kien deskritt bħala persuna b’entużjażmu kbir għat-tim ta’ Birkirkara, apparti li kien isegwi mill-qrib il-klabb tal-waterpolo ta’ San Ġiljan.”
Aħna mit-tim ta’ Gwida.mt nixtiequ nagħtu l-kondoljanzi tagħna lill-qraba u ħbieb.
Facebook / Replay (Net Television)