Il-preżentatriċi Maltija Elaine Sammut qasmet messaġġ mimli mħabba u emozzjoni hekk kif bintha Yelena tagħlaq 13-il sena, mument importanti li jimmarka l-bidu tal-età taż-żgħożija.
F’kitba mill-qalb, Elaine esprimiet kemm hija kburija b’bintha, filwaqt li fakkret li, minkejja li minn issa ’l quddiem qed tidħol f’fażi ġdida ta’ ħajjitha, hija se tibqa’ dejjem hemm għaliha. “Jien kont, għadni u ser nibqa’ nkun hemm għalik,” kitbet b’sens qawwi ta’ impenn u mħabba materna.
Elaine żvelat ukoll li kellha biss 20 sena meta welldet lil Yelena, esperjenza li, skontha, bidlitilha ħajjitha kompletament. Hija stqarret li tħoss li kollox ġara kif kellu jiġri, u li kieku kellha terġa’ tibda mill-ġdid, ma tbiddel xejn. “Nerġa’ nagħżel li nkun ommok,” kitbet, filwaqt li b’mod ħelu żiedet li minkejja li kienet omm żagħżugħa, illum ma tbiddel xejn.
Il-messaġġ kien mimli frażijiet sempliċi iżda profondi, fejn enfasizzat li l-imħabba tagħha lejn bintha tibqa’ kostanti f’kull sitwazzjoni, kemm meta jaqblu kif ukoll meta le. Elaine semmiet diversi xenarji ta’ kuljum li ħafna ġenituri jistgħu jidentifikaw magħhom, bħall-mumenti ta’ dixxiplina, argumenti żgħar jew anke meta Yelena ma tkunx studjat.
“Inħobbok… anka meta ma naqblux,” kitbet, u kompliet tenfasizza li l-imħabba vera ma tiddependix fuq il-perfezzjoni, iżda fuq il-preżenza u l-fehim. Fl-aħħar tal-messaġġ tagħha, Elaine awgurat lil bintha għeluq snin it-tajjeb u talbet il-protezzjoni divina fuqha, filwaqt li fakkret ukoll fil-ġurnata li biddlet kollox f’ħajjitha, “16/04/2013… l-isbaħ ġurnata ta’ ħajti għax twelidt int!”
Messaġġ li bla dubju mess il-qlub ta’ ħafna, speċjalment ġenituri, u li jfakkar fis-sbuħija tar-relazzjoni bejn omm u bint, mimlija mħabba, paċenzja u rabta li ma tinkisirx.
Awguri Yelena!