170 Sottomissjoni Għal Mużika Mużika – Min Ħa Jkun Ir-Rebbieħ Ta' Din Is-Sena?

Festivals Malta rċieva 170 sottomissjoni għat-tieni edizzjoni ta’ Mużika Mużika li ser titella’ bejn l-24 u 26 ta’ Marzu tas-sena d-dieħla.

Il-Festival tal-Kanzunetta Maltija irritorna permezz ta’ Mużika Mużika u wieħed jista’ jgħid li ntlaqa’ b’mod tajjeb ferm, fejn aktar minn 320,000 telespettatur inġabru biex jaraw dan l-ispettaklu fuq medda ta’ tlett ijiem.





Festivals Malta, tul dawn l-aħħar xhur beda bil-kampanja tiegħu għat-tieni edizzjoni ta’ Mużika Mużika, bis-sottomissjonijiet bdew jiġu aċċettati minn Lulju li għadda u għalqu proprju l-Ġimgħa 15 t’Ottubru.

Ic-Chairman ta’ Mużika Mużika, Mr Raymond Bugeja qal li wara s-suċċess li kellha l-ewwel edizzjoni tal-festival, kien mistenni li n-numru ta’ sottomissjonijiet għat-tieni sena tiegħu jiżdied.

Infatti hu qal, “Il-konkorrenza li kellna din is-sena kienet akbar minn dik tas-sena li għaddiet. Dan juri l-importanza ta’ dan il-festival, li reġa’ ta pjattaforma xierqa lill-mużika Maltija. L-ammont ta’ sottomissjonijiet jagħti prova ċara li dan il-festival qiegħed hemm biex jibqa’,” ikkonkluda s-Sur Bugeja.

It-tim ta’ Festivals Malta issa jkun qed jaħdem fuq il-fażi li jmiss, fejn il-kanzunetti sottomessi jiġu evalwati minn ġurija esperta. L-aħjar 35 kanzunetta li jiġu magħżula ser jiġu esebiti quddiem ġurija differenti minn dik tal-ewwel fażi.



Wara l-live auditions, jintgħażlu l-għoxrin kanzunetta semifinalista li magħhom ser jingħaqad ukoll ir-rebbieħ tal-programm televiżiv Mużika Mużika l-Vjaġġ Ikompli.

Festivals Malta ħadu l-opportunità jirringrazzjaw lil kull min issottometta l-applikazzjoni tiegħu għal dan il-festival. Għal aktar informazzjoni fuq it-tieni edizzjoni ta’ Mużika Mużika irrikori fuq: www.muzikamuzika.mt.

 Elisa von Brockdorff

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI