Il-Farsons Beer Festival Jirritorna L-Ġimgħa D-Dieħla Għall-44 Edizzjoni

Il-Farsons Beer Festival se jerġa’ jieħu l-ħajja fil-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali bejn it-23 ta’ Lulju u l-1 ta’ Awwissu, hekk kif jirritorna għall-44 edizzjoni tiegħu b’għaxart ijiem ta’ mużika live, birra u divertiment għal kulħadd. Illum meqjus bħala wieħed mill-akbar u l-aktar avvenimenti mistennija tas-sajf Malti, il-festival kull sena jiġbed eluf ta’ Maltin u turisti li jiltaqgħu biex igawdu atmosfera unika mal-familja u l-ħbieb.

Din is-sena, il-viżitaturi se jsibu għażla ta’ aktar minn 40 tip ta’ birra lokali u internazzjonali, fosthom ciders, craft beers u għażliet bla glutina. Barra minn hekk, il-menu tax-xorb ġie estiż biex jinkludi wkoll Aperol Spritz, Kinnie Spritz, Kinnie Rumba, Jägermeister u Jameson Whiskey.

Il-Head of Marketing ta’ Simonds Farsons Cisk plc, Karl Bondin, stieden lill-pubbliku biex jattendi għal din l-edizzjoni. "Nistednukom tiġu tgawdu l-atmosfera vibranti tal-Festival u l-għażla eċċezzjonali tal-birer. Għandna għażla għal kulħadd. Hemm aktar minn 40 birra rebbieħa f’konkorsi diversi, kemm lokali u kemm importati," qal Bondin.

Huwa żied li din is-sena l-festival se joffri aktar minn sempliċement birra. "Fil-Festival ta’ din is-sena hemm żewġ palkijiet ewlenin tal-mużika u tribute bands internazzjonali, żona għaż-żfin, u chillout zone aktar kwieta biex noffru varjetà ta’ divertiment li tassew tolqot il-gosti ta’ kulħadd."

Fuq il-Main Stage se jitilgħu artisti popolari Maltin fosthom Tribali, Lapes u Nadine, Glen and Amber, Ivan Grech & Band u The Travellers. Magħhom se jingħaqdu wkoll it-tribute bands internazzjonali Beatlemania, Spirit of Smokie u Supersonic Queen. Ir-Rock Stage se jospita numru ta’ bands stabbiliti bħal RUG, Fakawi, BNI, ClubMurder u Dripht, flimkien ma’ diversi talenti emerġenti fix-xena rock lokali.

Għad-dilettanti tal-mużika elettronika, Casa Electronica se toffri settijiet minn DJs magħrufa bħal J Joy, Tenishia, Ruby u Miggy. Intant, il-Craft Beer Area se tipprovdi atmosfera aktar rilassata b’għażla ta’ birer minn birreriji artiġjanali fosthom Red Mill Brewing Co, Birra Baladin, Bellfield Brewery, St Austell Brewery, The Huskie Craft Beer Company, Lord Chambray Brewery u TOBCo. Din iż-żona se tkun akkumpanjata wkoll minn programm ta’ mużika live b’artisti u gruppi lokali u internazzjonali, fosthom Filipino Fiesta by Moonlit, Vai Brasil! by Grupo Jogando Samba u Motown Special by Sean Kamati.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI