B’kollox 222 atleta żagħżugħ u żagħżugħa ħadu sehem fil-Kampjonati Nazzjonali tal-Atletika taż-Żgħażagħ li saru fit-trakka tal-Marsa, fejn spikkaw diversi prestazzjonijiet impressjonanti f’dixxiplini differenti.
Waħda mill-akbar protagonisti kienet Sophia Curmi ta’ Rush AC, li kisbet l-aqwa prestazzjoni nazzjonali fil-kategorija Under 16 tal-hammer throw b’tefa’ ta’ 55.44 metru. Curmi kellha ġurnata mill-aqwa hekk kif rebħet ukoll ix-shot put u d-discus.

Ritratt: James Azzopardi
Min-naħa tiegħu, Thomas Neil Attard ta’ Rush AC resaq viċin rekord fil-100m hurdles b’ħin ta’ 14.70 sekonda. Madankollu, il-ħin ma setax jiġi rikonoxxut bħala rekord minħabba riħ li qabeż il-limitu permess.
Matul il-kampjonati nkisru wkoll żewġ rekords tal-kompetizzjoni. Ella Borg Degiorgio stabbiliet rekord ġdid fil-pole vault Under 16 b’qabża ta’ 2.90 metri, filwaqt li Asia Psaila kisret ir-rekord tad-discus Under 14 b’tefa’ ta’ 25.74 metru.
Prestazzjoni notevoli oħra ġiet minn Matteo Gauci ta’ La Salle, li rebaħ l-erba’ tiġrijiet tal-200m, 400m, 800m u 1500m, filwaqt li kiseb ukoll it-tielet post fil-100m.
Fil-kategorija Under 16 tat-tfajliet, Nicole Balzan ta’ Rush AC rebħet kemm il-100m kif ukoll il-200m. Jamie Borg ta’ Pembroke kiseb suċċess doppju fis-100m tas-subien u fil-long jump, filwaqt li Miah Ani ta’ Pembroke rebħet il-long jump tat-tfajliet.

Ritratt: Bernard Cutajar
Fil-kategorija Under 14, Kaine Micallef ta’ Pembroke rebaħ il-finali tal-100m tas-subien, filwaqt li Martina Mintoff ta’ Rush AC kienet l-aktar veloċi fost it-tfajliet.
Jack Herrera Role ta’ Pembroke spikka wkoll meta rebaħ il-1000m u l-high jump, filwaqt li kiseb żewġ tieni postijiet fil-long jump u l-75m hurdles.
Fir-relays, Rush AC iddomina kompletament il-kompetizzjoni, hekk kif rebaħ it-tiġrijiet kollha kemm tal-Under 14 kif ukoll tal-Under 16, kemm fis-sezzjoni tas-subien kif ukoll tat-tfajliet.
Il-kampjonati komplew juru l-livell għoli ta’ talent li qed jiżviluppa fl-atletika Maltija, b’għadd ta’ żgħażagħ jagħtu prestazzjonijiet li jawguraw futur promettenti għall-isport lokali.
James Azzopardi