Illum Jiġi Mfakkar Il-Jum Dinji Tas-Saħħa Diġestiva – Għaliex Dan Il-Jum Hu Tant Importanti?

Kull sena fid-29 ta’ Mejju, madwar id-dinja jiġi mfakkar il-World Digestive Health Day, jew aħjar bil-Malti il-Jum is-Saħħa Diġestiva, jum internazzjonali ddedikat biex iqajjem aktar għarfien dwar is-saħħa tas-sistema diġestiva u l-importanza li wieħed jieħu ħsiebha.

Din il-kampanja globali tas-saħħa pubblika ġiet imnedija fl-2004 mill-World Gastroenterology Organisation (WGO), bil-għan li teduka lill-pubbliku dwar il-prevalenza ta’ mard relatat mal-apparat diġestiv u l-fwied, kif ukoll dwar l-aħjar modi ta’ prevenzjoni u kura.

Is-sistema diġestiva għandha rwol kruċjali fil-funzjonament tal-ġisem, peress li hija responsabbli biex tassorbi n-nutrijenti mill-ikel u tgħin fil-proċessi essenzjali għas-saħħa tagħna. Problemi bħal reflux, sindromu tal-musrana irritabbli, ulċeri, mard tal-fwied u kundizzjonijiet oħra jistgħu jkollhom impatt sinifikanti fuq il-kwalità tal-ħajja ta’ persuna.

Waħda mit-temi li ngħatat importanza f’dawn l-aħħar snin kienet “Your Digestive Health: A Healthy Gut From the Start”, li enfasizzat l-importanza li sa minn età żgħira jiġu adottati drawwiet tajbin għall-musrana u s-saħħa diġestiva.

L-esperti jisħqu li dieta bilanċjata, konsum adegwat ta’ ilma, attività fiżika regolari u tnaqqis tal-istress jistgħu jgħinu biex tinżamm sistema diġestiva b’saħħitha. Fl-istess ħin, wieħed għandu joqgħod attent għal sintomi persistenti li jistgħu jkunu sinjal ta’ kundizzjoni li teħtieġ attenzjoni medika.

Dan il-jum ifakkarna li s-saħħa diġestiva mhijiex biss kwistjoni ta’ kumdità, iżda hija parti essenzjali mill-benesseri ġenerali tagħna u għandha tingħata l-importanza li tixraqilha.

U int, kemm tagħti importanza lil dan?







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI