Il-kantanta Maltija Gaia Gambuzza ġiet magħżula biex tirrappreżenta lil OGAE Malta fil-FanVision 2026, avveniment internazzjonali li jiġbor flimkien il-komunità tal-Eurovision minn diversi pajjiżi.

It-tħabbira saret minn OGAE Malta, li kkonfermat li Gaia se tkun qed tieħu sehem fil-kompetizzjoni li se ssir f’Munich, il-Ġermanja, matul il-Eurovision Weekend 2026 organizzat minn OGAE Germany. Għall-okkażjoni, Gaia se tkun qed tinterpreta l-kanzunetta Voices, il-kanzunetta li kienet irrappreżentat lill-Iżvezja fil-Eurovision Song Contest tal-2021.
Gaia mhijiex isem ġdid għas-segwaċi tal-mużika lokali. Hija kienet irrappreżentat lil Malta fil-Junior Eurovision Song Contest tal-2022, fejn kisbet apprezzament għall-vuċi u l-preżenza tagħha fuq il-palk.
Il-FanVision hija kompetizzjoni popolari fost il-klabbs nazzjonali tal-OGAE, fejn rappreżentanti minn diversi pajjiżi jippreżentaw interpretazzjonijiet tagħhom ta’ kanzunetti marbuta mal-Eurovision. L-avveniment iservi bħala ċelebrazzjoni tal-mużika u tal-komunità internazzjonali tal-Eurovision.
Malta kellha x-xorti li tirbaħ din il-kompetizzjoni tliet darbiet, permezz ta’ Sebastian Calleja, Grecia Bezzina u Martina Fenech. Bit-talent tagħha u l-esperjenza li diġà kisbet fuq palkijiet internazzjonali, Gaia Gambuzza issa se tkun qed iġġorr il-bandiera Maltija f’Munich bit-tama li tagħmel isem ieħor għal Malta fix-xena tal-Eurovision.
Nawgurawlha kull suċċess f’din l-esperjenza ġdida!
Facebook / Gaia Gambuzza