Swor Francise Farrugia mill-Kongregazzjoni tas-Sorijiet Dumnikani Maltin ilha tgħix il-Pakistan għal dawn l-aħħar 40 sena. Minbarra li tgħix għall-komunitajiet fejn tinsab fuq missjoni, għall-vokazzjonijet u għat-tfal, tgħix ukoll għad-drittijiet umani. Ma tibża’ minn xejn u hija ta’ ispirazzjoni għal kull min jiltaqa’ magħha.
Tirrakkonta li darba marret il-bank tħallas xi kontijiet u raġel qalilha biex tfittex tiġri lejn id-dar għaliex ċorma ġuvintur kienu armati bl-istikek tal-qasab sejrin lejn l-iskola tagħhom. Swor Francise ġriet lejn l-iskola, qabdet il-kamera tar-ritratti u bdiet tieħu ritratti kif ġie ġie. Minkejja li wieħed minnhom, li aktarx li kien il-mexxej tal-grupp, kien liebes maskra, il-pulizija rnexxielha taqbdu u tarrestah. Il-ġuvnott spiċċa l-ħabs u Swor Francise kienet tmur iżżuru ta’ spiss, teħodlu l-ikel u toqgħod titkellem miegħu. Meta l-pulizija staqsewha x’kienu se jagħmlu bih, pronta weġbithom li bħala sorijiet Kristjani, riedu jaħfrulu. Kien sar qisu t-tifel tagħhom! Din il-ġrajja turina verament min huma dawn il-missjunarji!

Fi kliem Swor Francise, kienet biss l-edukazzjoni li għenet lil dawn in-nies jintrefgħu, dejjem bis-saħħa ta’ missjunarji bħalha li jgħinu lin-nies tal-komunitajiet fejn ikunu sabiex jintrefgħu ħalli ’l quddiem ikunu huma stess li jgħinu lil sħabhom tal-komunità. Illum il-ġurnata, wara dan iż-żmien kollu, ħafna tfajliet li qed jikkontribwixxu lura lejn il-komunità u lejn l-iskejjel ta’ Swor Francise, saħansitra b’uħud minnhom isiru għalliema fl-istess skejjel fejn ħadu l-edukazzjoni huma stess.
Kulħadd huwa stmat indaqs, għax aħna lkoll aħwa, tgħid Swor Francise. Eżempju ta’ dawn huma l-familji Musulmani li jgħixu qrib il-kunvent li huma ħbieb sewwa mas-sorijiet. Huma jafu li Swor Francise hija infermiera u kull meta jkollhom bżonn dejjem ifittxuha, speċjalment f’każ ta’ mard, saħansitra matul il-lejl. Id-dedikazzjoni kbira li għandha lejn min hu fil-bżonn, hija ta’ unur għalina l-Maltin. L-istess jista’ jingħad għall-fatt li qed iżomm it-tradizzjonijiet Maltin ħajjin fil-Pakistan, pereżempju meta nhar l-10 ta’ Frar jiċċelebraw il-festa ta’ Missierna San Pawl!

In-naqra li żergħet tant snin ilu Swor Francise nibtet tajjeb u qed tagħti l-frott. Ta’ dan kollu hija tirringrazzja lil Alla u lil Missio Malta li tant qed jgħinha tkompli din il-ħidma fost ħutna fil-bżonn. Tgħid li għalkemm it-tfal ma jafux aħna l-Maltin min aħna, imma jafu biss lis-sorijiet, imma fihom qed jaraw il-qalb tajba tagħna l-Maltin.
Naf li inti li qed taqra tixtieq tgħin lil komunitajiet simili t’hawn fuq u ħafna oħrajn bħalhom imxerrdin mad-dinja kollha. Missio Malta qed jagħmel ħiltu kollha sabiex kull persuna jkollha opportunità li tgħix ħajjitha b’dinjità. Jekk tixtieq tgħin f’dan il-proġett jew oħrajn simili t’hawn fuq, tista’ tagħti donazzjoni billi tikkuntattja lil Missio Malta jew iżżur il-websajt: https://missio.org.mt/donate. Aktar informazzjoni tinkiseb minn fuq il-websajt www.missio.org.mt, minn ‘Facebook’ jew fuq 2123 6962. Grazzi mill-qalb.