Illum il-preżentatriċi bravissima Angela Agius iċċelebrat 48 sena fix-xandir Malti. Fuq il-midja soċjali hi ftakkret fiż-żmien li fih kienet għadha tibda l-karriera tagħha “meta l-iskrins tat-televixin kienu għadhom bl-iswed u bl-abjad, u l-vuċijiet tar-radju kienu jservu ta’ kumpanija kbira għal bosta”.
Il-preżentatriċi Maltija tiftakar f’bosta programmi li matul is-snin kellha l-opportunità tippreżenta u tistqarr li dawn kienu bil-wisq iżjed minn sempliċi produzzjoni, iżda fi kliemha tistqarr kif dawn għenu sabiex tissawwar konnessjoni u relazzjoni mill-qrib bejnha u bejn l-udjenza.
Minkejja li għexieren huma dawk il-programmi li hi ippreżentat tul il-karriera tagħha, Angela tistqarr li l-programm ‘Niskata’ jibqa’ f’qalbha. Hi tesprimi s-sodisfazzjon tagħha li dan il-programm issokta jżomm kumpanija lis-segwaċi tiegħu anke fl-agħar żminijiet fosthom meta l-pandemija tal-COVID-19 kienet fl-eqqel tagħha.
“F’qalbi dejjem se ngħożż dawn il-memorji sbieħ ta’ stejjer li smajt mingħand persuni differenti,” temmet tikteb il-preżentatriċi Angela Agius bi gratitudni fejn irringrazzjat lis-segwaċi tagħha għas-sapport li dejjem urewha.
Facebook / Angela Agius