Il-Psikjatra Dr Donatella Agius kitbet messaġġ dwar id-dipressjoni biex tqajjem iżjed għarfien dwar is-saħħa mentali.
Hi bdiet bil-frażi komuni, “Inħossni dgħajjef għax kelli naqa’ għall-għajnuna… għax qiegħed nieħu l-mediċina.”
Imbagħad spjegat, “Din hija xi ħaġa li nisma’ ħafna mingħand nies li jbatu mid-dipressjoni – u taqsamli qalbi. Ejja npoġġuha ċara: Id-dipressjoni mhix sinjal ta’ dgħjufija. Mhi la difett fil-karattru u lanqas għax int ‘wisq sensittiv’ jew ‘għax int weak’. Id-dipressjoni hija kundizzjoni medika. Tinvolvi bidliet fil-kimika tal-moħħ, speċjalment tnaqqis fil-livell ta’ serotonin– sustanza li taffettwa l-burdata, l-irqad, l-aptit u l-enerġija. Iva, jista’ jkun li tiġi wara ġrajjiet stressanti fil-ħajja… Imma ġeneralment tiġri f’nies li diġà għandhom predispożizzjoni ġenetika. Fi kliem ieħor, mhux tort tiegħek – hija taħlita ta’ bijoloġija u ċirkostanzi tal-ħajja.”
Żiedet tgħid, “Il-moħħ, bħall-ġisem, huwa uniku għal kull persuna. Wasal iż-żmien li nbiddlu d-diskors. Jekk xi ħadd jiżviluppa d-dipressjoni jew kundizzjoni oħra mentali: Mhux għax falla. Mhux għax hu dgħajjef, imma għax huwa bniedem li l-ġisem jew il-moħħ tiegħu qed jirreaġixxu għall-uġigħ.”
Facebook / Dr Donatella Agius – Psychiatrist