Wara li lbieraħ kaċċatur spara u qatel erba’ fjamingi protetti, Qawra Point ġiet dikjarata bħala żona fejn il-kaċċa mhix permessa. Il-Ministru tal-Ambjent Aaron Farrugia ħabbar din id-dikjarazzjoni.
Farrugia qal ukoll li min issa, l-BirdLife Malta se tibda tieħu ħsieb din iż-żona biex tara li ma jsirux illegalitajiet.
“L-aħbar xokkanti li erba’ fjamingi inqatlu minn persuna li allegatament sparat fuqhom ġabet il-kundanna ta’ kulħadd – mill-familji sal-għaqdiet ambjentali u l-komunità tal-kaċċaturi,” huwa kiteb.
“Lil hinn mill-kundanni li kien hemm, li importanti kemm huma importanti, ma jibdlu xejn u lil hinn mill-ġustizzja li jeħtieġ issir fiż-żmien li ġej, qed jiġi deċiż:
1) li ż-żona tal-ponta tal-Qawra tiġi ddikjarata bħala waħda fejn fiha ma tistax issir kaċċa
2) li l-BirdLife Malta se jkunu qed jieħdu ħsieb din iż-żona permezz ta’ ‘guardianship deed’ li se jiġi ffirmat fil-ġimgħat li ġejjin.”