Fr Karm ser jitlaq minn Malta u sejjer għal sena fil-Pakistan! Din mhux ser tkun l-ewwel darba għalih li ser iżżur dan il-post! Fl-1990 sal-1996, kien jgħix hemm. Jgħidilna li...“Ilħaqt tgħallimt il-lingwa u drajt il-post imma kelli nispiċċa minn hemm u għal ħafna snin qatt ma kont mort. F’dawk l-aħħar 15-il sena mort xi 8 darbiet imma dejjem għal żmien qasir barra darb’oħra li tawwalt sa 5 xhur”.
Imma x’fettillu sejjer hemm? Fr Karm qal... “Din id-darba s-superjuri talbuni mmur għal kważi sena biex nissostitwixxi lil patri ieħor li ser jagħmel daqs sena sabbatika u miegħu hemm patri ieħor li hu fuq is-70 sena u allura mhux ta’ min iħallih waħdu għal żmien twil”.
Xogħol Fr Karm ser ikun fil-parroċċa li għandhom ddedikata lill-Konverżjoni ta’ San Pawl. F’din il-parroċċa hemm diversi villaġġi żgħar li ġeneralment jmur jqaddes fihom f’xi ġranet matul il-ġimgħa. Fil-parroċċa, naturalment jagħmel dak kollu li jseħħ fiha, bħal f’Malta, quddies, magħmudija, organizzazzjonijiet ta’ laqgħat ma’ gruppi diversi bħaż-żgħażagħ.
L-unika problema li għandu Fr Karm hi li ħa jispiċċa mingħajr handover! Dan wara li l-visa damet biex ħarġet u spiċċa tilef iċ-ċans li jkellem lil ta qablu!
“Il-visa tiegħi damet ma ġiet u allura mhux ser ikolli ċ-ċans ta’ “handover”, allura ma nafx b’mod ċar x’għandi nistenna ħlief dak li niftakar li kien isir fiż-żmien li kont hemm qabel jien”. – Fr Karm Debattista
Fr Karm qalilna li għamel xhur jistenna l-visa imma issa ġie l-permess! “Bħalissa qed nistenna li l-ambaxxata tal-Pakistan fit-Tuneżija jibgħatu għall-passaport tiegħi biex titpoġġa l-visa fuqu. Meta jasal il-passaport naqta’ l-biljett, nippakkja u nitlaq”.
Aħna nawguraw minn qalbna lil Fr Karm Debattista għal-irwol il-ġdid li ser ikollu. L-Intervista sħiħa ma’ Fr Karm Debattista ser tiġi ppublikata fir-rivista GWIDA dalwaqt.