Dalgħodu tħabbret li Marzia Calleja Maatouk instabet mejta fil-Libja. Hi flimkien mar-raġel tagħha kienu fuq il-lista tal-aktar persuni mfittxija fl-Ewropa. Ir-raġel ta' Marzia ġie arrestat fil-Libja, filwaqt li martu ta' 26 sena nstabet mejta.
Ħu Marzia fuq il-mezzi soċjali kiteb, "Daqshekk qunċ tlaqtli int spiċċajna aħna, għala Marz għid konna nħobbuk m'hawnx. Kont naqta' idejja li minn ħin għall-ieħor nerġgħu nkunu flimkien. Anqas idea kemm kont inħobbok jiena ma taf."
Hu jkompli jgħidilha li n-nannu u n-nanna kienu l-favoriti tagħha. Hu jżid, "Imma issa daqshekk rajtek, 'qas irrid nemmen Marz li mhux ħa nkellmek iktar, aħjar ħa lili Marz milli lilek. Kont għadek żgħira ma kien jonqsok xejn. Itlob għalina u ghan-nanniet u għall-familja kollha tagħna, inħobbuk għal dejjem aħna."
Ħabiba tagħha fuq il-mezzi soċjali kitbet, "Dan huwa l-mod li dejjem irrid nibqa' niftakrek. Tir 'il fuq għażiża ħabiba Marzia, il-ħajja ma kinitx ġusta miegħek u int iġġilidt battalji minn meta kont żgħira, sakemm nerġgħu niltaqgħu. Nitlob għalik u għall-familja tiegħek."
F'isem it-tim ta' Gwida, ngħaddu l-kondoljanzi tagħna lill-familja u l-ħbieb tagħha. Strieħ fis-sliem Marzia.