Stejjer Li Jkattru Kuxjenza: Ġuża L-Ħanfusa Twassal Messaġġ Ambjentali Lit-Tfal

L-avventuri ta’ Ġuża l-Ħanfusa qed jintużaw bħala mezz kreattiv biex it-tfal jitgħallmu dwar is-sostenibbiltà, il-ħarsien tal-ambjent u l-importanza tal-azzjoni klimatika, b’mod li jkun qrib tagħhom u faċli biex jinftiehem.

Il-ktieb diġitali L-Istejjer Meraviljużi u Ribellużi ta’ Ġuża Ħanfusa, miktub mill-awtriċi Clare Azzopardi u illustrat mill-artist Alfie Gatt, huwa ġabra ta’ stejjer qosra ispirati direttament mill-ideat tat-tfal stess. Permezz ta’ dawn l-avventuri, it-tfal jiġu mħeġġa jaħsbu, jistaqsu u jieħdu azzjoni favur ambjent aħjar.



Il-ktieb ġie ppreżentat lill-istudenti tal-iskola Sacred Heart mill-Ministru għall-Ambjent, Miriam Dalli, u mill-Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima. Din l-inizjattiva hija frott kollaborazzjoni bejn il-Climate Action Authority u l-programm EkoSkola, u hija mmirata għal studenti bejn il-Year 3 u l-Year 6.



Il-Ministru Miriam Dalli sostniet li t-tfal għandhom rwol kruċjali fil-bidla lejn futur aktar sostenibbli, u spjegat li l-idea tal-ktieb nibtet minn wegħda li saret lill-istudenti tal-EkoSkola biex il-ħsibijiet u s-suġġerimenti tagħhom jinbidlu f’xi ħaġa konkreta u li tilħaq lil ħafna tfal oħra. Hija saħqet li l-edukazzjoni tibqa’ pilastru ewlieni fil-ħidma tal-Climate Action Authority, u li l-azzjoni klimatika teħtieġ il-kontribut ta’ kulħadd, minn età żgħira sal-kbar.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Clifton Grima qal li inizjattivi bħal dawn jagħtu lit-tfal għodod kreattivi biex jifhmu aħjar ir-responsabbiltà tagħhom lejn l-ambjent. Huwa enfasizza r-rwol ċentrali tal-iskejjel fil-formazzjoni ta’ ġenerazzjonijiet li mhux biss ikunu infurmati, iżda wkoll imħeġġa jieħdu passi konkreti favur futur aktar nadif u sostenibbli.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Climate Action Authority, l-Inġinier Abigail Cutajar, spjegat li l-awtorità qed tkompli tfittex kollaborazzjonijiet fis-soċjetà, b’mod partikolari fis-settur edukattiv, li fih hemm potenzjal kbir ta’ għarfien u azzjoni. Hija qalet li din il-kollaborazzjoni ma’ EkoSkola hija biss il-bidu ta’ ħidma usa’ favur il-pajjiż u l-ambjent.



Vince Attard, Kap Eżekuttiv ta’ Nature Trust FEE Malta, laqa’ wkoll it-tnedija tal-ktieb, u qal li dan jagħti vuċi lit-tfal u jgħinhom jikbru bħala ċittadini aktar responsabbli. Huwa fakkar li l-għan ewlieni tal-EkoSkola huwa l-edukazzjoni għall-Iżvilupp Sostenibbli, u li inizjattivi bħal dawn isaħħu dan il-messaġġ b’mod prattiku u kreattiv.

Il-ktieb se jkun qed jitqassam fil-libreriji madwar il-pajjiż u se jkun disponibbli wkoll f’verżjoni diġitali fuq is-sit tal-Climate Action Authority, biex ikun aċċessibbli għal kulħadd.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI