Padre Guilherme Għal-Għaxaq Music Festival 2026!

It-tim tal-Għaxaq Music Festival 2026 jinsab kburi jħabbar li l-artist internazzjonali Padre Guilherme se jkun qed jingħaqad mal-line-up tal-festival bħala l- artist uffiċjali għall-Ġimgħa 24 ta’ Lulju 2026. Flimkien miegħu se jkun hemm ukoll POU – Product of Us (UK) bħala special guests, f’lejla li twiegħed spettaklu ta’ livell internazzjonali.

Magħruf madwar id-dinja bħala d-“DJ Priest”, Padre Guilherme sar isem sinonimu ma’ enerġija, għaqda u messaġġ pożittiv li jaqsam il-fruntieri. Il-kapaċità tiegħu li jgħaqqad il-mużika elettronika ma’ valuri universali għamlitu wieħed mill-aktar artisti uniċi fix-xena internazzjonali tal-lum.



Wara s-suċċess enormi tiegħu waqt il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’Lisbona fl-2023, fejn anima folla ta’ aktar minn miljun persuna, Padre Guilherme kompla jespandi l-preżenza tiegħu fuq livell internazzjonali. F’dawn l-aħħar snin kien mistieden jagħti wirjiet f’diversi bliet ewlenin madwar id-dinja, fosthom Buenos Aires, Beirut, Madrid, Rio de Janeiro, São Paulo, Fatima u diversi festivals u avvenimenti fl-Ewropa, l-Amerika Latina u l-Lvant Nofsani. Il-kombinazzjoni unika tiegħu ta’ mużika elettronika, spiritwalità u messaġġ ta’ tama għamlitu fenomenu globali li jattira udjenzi minn kull età u kultura.



Din se tkun l-ewwel darba li Padre Guilherme se jdoqq live f’Malta, mument importanti li jġib wieħed mill-aktar DJ-priests magħrufa fid-dinja fuq il-gżejjer Maltin għal esperjenza unika u storika għall-pubbliku lokali.

Il-preżenza tiegħu fil-Għaxaq Music Festival 2026 mhux biss se ġġib artist ta’ fama

internazzjonali f’Malta, iżda wkoll personalità li permezz tal-mużika tagħha rnexxielha tgħaqqad miljuni ta’ nies madwar id-dinja.

Miegħu fuq il-palk se jingħaqdu POU – Product of Us, wieħed mill-aktar ismijiet rispettati fix-xena trance u electronic dance music fir-Renju Unit. Bil-produzzjonijiet tagħhom li jintlagħbuminn DJs ewlenin madwar id-dinja u l-wirjiet enerġetiċi tagħhom quddiem eluf ta’ partitarji, POU se jżidu dimensjoni oħra ta’ eċċitament ma’ din il-lejla speċjali.

Il-pubbliku se jkun jista’ jgawdi wkoll minn talent lokali ta’ livell għoli permezz tal-prestazzjonijiet ta’ JJoy, Mux u Braynod, artisti Maltin li qed jagħmlu isem għalihom fix-xena mużikali lokali kif ukoll internazzjonali u li se jżidu aktar enerġija u diversità mal-programm tal-festival.

L-edizzjoni tal-2026 tal-Għaxaq Music Festival se tkun waħda storika hekk kif tifforma parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-400 anniversarju mit-twaqqif tal-Parroċċa ta’ Ħal Għaxaq. Erba’ sekli ta’ storja, tradizzjoni, fidi u komunità se jiġu ċċelebrati permezz ta’ avveniment modern li jgħaqqad ġenerazzjonijiet differenti permezz tal-mużika.



Lil hinn mill-mużika u ċ-ċelebrazzjoni, il-Għaxaq Music Festival 2026 għandu wkoll għan nobbli. L-avveniment qed jittella’ b’risq Embrace Diversity Organization, organizzazzjoni volontarja li tieħu ħsieb tfal u minuri b’diżabilità. Kull biljett mixtri se jkun qed jikkontribwixxi direttament biex l-organizzazzjoni tkompli twettaq il-ħidma tagħha favur dawn it-tfal u l-familji tagħhom, filwaqt li tippromwovi soċjetà aktar inklużiva u li tagħti opportunitajiet ugwali lil kulħadd.

Bil-produzzjoni spettakolari, atmosfera elettrika u artisti ta’ klassi internazzjonali u lokali, il- Ġimgħa 24 ta’ Lulju hija mistennija tkun waħda mill-aktar iljieli memorabbli tas-sajf 2026. Il-biljetti huma disponibbli minn showshappening.com min issa.

L-organizzaturi jħeġġu lill-pubbliku biex jassigura postu kmieni għal avveniment li mhux biss se joffri divertiment ta’ livell għoli, iżda wkoll se jkun parti minn kapitlu storiku fil-ħajja tal-komunità Għaxqija. Ghaxaq Music FestivalIl-Għaxaq Musical Festival huwa organizzat b’kburija mill-Ghaqda Muzikali Santa Marija ta’ Hal-Ghaxaq u jsir taħt il-patroċinju tal-Ministru għall-Kultura u l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta.

Ritratti:

Għaxaq Music Festival

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI