F’ġesti li jfakkruna fil-valur tal-komunità u l-umanità, is-sid ta’ Slais Butcher, Alex Falzon ilu għal bosta snin jagħti pakketti ta’ laħam b’xejn lil familji li qed isibuha diffiċli finanzjarjament b’ mod speċjali f’dan iż-żmien tal-Milied. Din hija inizjattiva li skontu qed issir aktar meħtieġa minn qatt qabel.
Dan il-ġest mill-isbaħ huwa meqjus bħala tradizzjoni li tmur lura għal aktar minn 50 sena, mibdija min-nannu tiegħu, imbagħad kompluta minn missieru u llum qed tinżamm ħajja mit-tielet ġenerazzjoni. Ġest li twieled mill-qalb u baqa’ għaddej mhux għall-pubbliċità imma għax kien u għadu meqjus bħala dmir lejn min hu fil-bżonn.
Il-pakketti li jingħataw jinkludu diversi tipi ta’ laħam, bħal minced meat, biċċiet ta’ ċanga, tiġieġ u zalzett u prodotti oħra– magħżula b’mod li l-familji jkunu jistgħu jippreparaw ikliet differenti jew jaħżnu l-ikel għal aktar ġranet. Dan il-ġest nobbli ilu snin għaddej u ġie rikonoxxut kemm-il darba fuq il-midja soċjali kif ukoll f’pubblikazzjonijiet lokali.
Skont Alex, in-numru ta’ familji li qed ikollhom bżonn din l-għajnuna qed jiżdied u din hi xi ħaġa li qed tinkwetah ħafna. Jirrimarka li meta mqabbel ma’ snin ta’ qabel, illum qed jilħqu kważi d-doppju tal-familji – sinjal ċar li għal bosta, l-isfidi ekonomiċi qed jinħassu dejjem aktar.
Għalih, dan l-argument mhux qed jitfassal fuq it-telf finanzjarju jew il-qligħ iżda dwar il-fatt li meta tara nies ibatu, ma tistax tagħlaq għajnejk. Hu jemmen li kultant ġest żgħir jista’ jagħmel differenza kbira fil-ħajja ta’ familja.
Din hija bla dubju Storja riflessiva li mingħajr ħafna kliem tfakkarna li minkejja l-isfidi, is-solidarjetà għadha tgħix – f’dan il-każ tibda mill-ħwienet tal-lokal u tasal sal-mejda ta’ min l-aktar għandu bżonnha.
Facebook/ Marie-Louise Coleiro Preca