Kemm-il darba smajna bil-frażi “You age like fine wine” li mal-ewwel tiġi milqugħa bħala kumpliment sabiħ. Għaldaqstant l-espert tal-inbejjed Josef Bonello, jisfida din l-idea romantika li ħafna nies għandhom: li aktar kemm jgħaddi ż-żmien l-inbid dejjem isir aħjar. Infatti jistqarr li din l-idea ma tapplika assolutament xejn għal bosta nbejjed.
Josef Bonello ingħaqad fuq il-programm Illum ma’ Steph sabiex jispjega aktar fuq dan is-suġġett. Huwa jispjega kif l-inbid mhux dejjem jitjieb iktar kemm jitqaddem iżda aktar minn hekk, jinbidel kontinwament. Dan għaliex l-“inbid huma prodott ħaj.” Bonello jispjega li hemm kunċett mifrux li jgħid li iktar ma l-inbid jitqaddem,iktar isir ta’kwalità għolja. Iżda fil-verità, l-inbid mhux dejjem jitjieb; aktar minn hekk, jinbidel kontinwament, għaliex huwa meqjus bħala “prodott ħaj.”
Iżid ukoll li peress li l-kontenut ta’ alkoħol huwa relattivament baxx (madwar 14-15%), ma jistax ikun protett biżżejjed mill-ossiġnu. Din it-teorija tapplika wkoll anke meta ħafna mill-fliexken tal-inbid ikunu għadhom magħluqin. Dan iwassal biex l-inbid jinbidel u meta flixkun jinfetaħ, dan il-proċess isir aktar mgħaġġel. Biex jispjega aħjar, Bonello jqabbel l-inbid ma’ xorb ieħor bħall-whisky. Il-whisky, b’kontenut ta’ alkoħol li jilħaq bejn l-40% u l-45% huwa ferm iktar stabbli u għalhekk anke meta flixkun jitħalla miftuħ, l-ossiġnu ma jaffettwahx. B’hekk b’dan ir-raġunament, l-inbid huwa ħafna iktar vulnerabbli.
“Ageing is dying” jispjega Bonello – kunċett reali li jolqot ħafna l-proċess tal-inbid. Huwa jfisser li kif jgħaddi ż-żmien, l-inbid jibda jitlef il-freskezza tiegħu. L-aromi friski tal-frott jonqsu u jinbidlu f’ dawk iktar maturi jew ossidati. Għalkemm dan mhux bilfors ifisser li l-inbid isir ħażin – hawnhekk se jasal f’punt fejn mhux se jolqot il-gosti ta’kulħadd.
“L-inbid mhux jitjieb imma jinbidel,” jisħaq Bonello għal darb’ oħra. Iżid ukoll li ħafna nbejjed wara tlieta jew erba’ snin jitilfu l-valur tagħhom u ma jibqgħux fl-aqwa stadju tagħhom. Hemm ċertu nbejjed li huma mfassla biex jixjieħu u jgħaddu minn perjodu fejn isiru aktar interessanti u kumplessi iżda dawn huma l-eċċezzjoni, mhux regola li tapplika għal kollha.
Finalment, kif isostni Bonello, il-vantaġġ tal-inbid huwa li dan jista’ jgħaddi minn fażi fejn isir aktar interessanti iżda dan il-perjodu huwa limitat. Wara, il-proċess se jkompli sakemm eventwalment “l-inbid imut” u b’hekk jitlef għal kollox il-valur tiegħu.
Għalhekk, l-espressjoni “you age like fine wine” tista’ tkun sabiħa metaforikament iżda ma nistgħux nifmuha b’mod litterali. Il-verità hija ferm aktar kumplessa minn hekk — u proprju hija din il-kumplessità li tagħmel is-suġġett aktar interessanti.
Facebook/ Illum ma’ Steph