Messaġġ profond u mimli emozzjoni li qasam il-Membru Parlamentari Malti Ivan Castillo, hekk kif fakkar il-jum li fih missieru kien jagħlaq 76 sena. Kitba li tmur lil hinn minn tifkira formali, u li tiftaħ tieqa fuq uġigħ li ma jgħaddix u vojt li jibqa’ jinstema’ fis-skiet.
Ivan kiteb li l-ġurnata li fiha difen lil missieru kienet il-ġurnata li fiha “kollox inbidel”. Mhux biss tilef ġenitur, iżda wkoll l-akbar ħabib tiegħu, persuna li tagħtu s-saħħa biex ikun jista’ jimxi ’l quddiem, li kienet tipproteġih fi żminijiet diffiċli, u li dejjem poġġietu qabel kollox.
Fil-messaġġ tiegħu jispikka s-sens ta’ nuqqas li ma jistax jiġi mimli: it-telefonata sempliċi li ma tibqax tasal, il-mistoqsija “Ok int, ibni?” li llum teżisti biss fil-memorja. Ivan jammetti li jimmissja affarijiet li darba kien jieħu for granted, mis-sagrifiċċji żgħar, għad-diskussjonijiet, iċ-ċajt, u anke l-argumenti banali li, kif jgħid hu stess, kienu jressquhom eqreb lejn xulxin.
B’mod partikolarment qawwi, Ivan jirrifletti fuq il-pariri li darba ħaseb li ma kellux bżonnhom, sakemm induna li verament kellu. Illum, dawn il-pariri jerġa’ jdawwarhom f’moħħu biex ma jintesewx, għax jaf li oħrajn mhumiex se jiġu. Hemm ukoll sens ta’ dispjaċir uman u sinċier, ix-xewqa li kieku jirringrazzjah iktar, jgħannaqu iktar, u jgħidlu kemm iħobbu.
“Ħadd qatt ma ħabbni bil-mod kif ħabbejtni int,” jistqarr Ivan, filwaqt li jenfasizza kemm dik l-imħabba sawritu bħala persuna. Minkejja l-uġigħ, huwa jesprimi t-twemmin li missieru għadu jarah, jifraħ meta jagħmel tajjeb u jitħasseb meta seta’ jagħmel pass aħjar – preżenza li għadha tgħix fl-istejjer, fil-lezzjonijiet u fil-valuri li jġorr miegħu kuljum.
Il-messaġġ jagħlaq b’riflessjoni qawwija dwar iż-żmien, li skont Ivan “ma jfiqx”, iżda huwa biss distrazzjoni minn realtà li fiha hemm spazju vojt – siġġu li darba kien okkupat u skiet flok leħen sod. Minkejja li m’hemm l-ebda kliem li jimla dan il-vojt, huwa jkompli jitkellem fuq missieru, għax l-akbar biża’ tiegħu hija li jinsieh.
Facebook / Ivan Castillo