Saret It-tieni Edizzjoni Ta’ ‘The 10Km L-Istrina Palace Run’

President

Il-Ħadd filgħodu, madwar 800 persuna pparteċipaw fit-tieni edizzjoni ta’ The 10km L-istrina Palace Run, li din is-sena għaqqdet il-Palazz ta’ Sant’Anton mal-Palazz Presidenzjali tal-Belt Valletta.

Din il-ġirja b’risq The Malta Community Chest Fund rat il-parteċipazzjoni ta’ tfal sa anzjani, kemm atleti kif ukoll persuni li jħobbu l-ġiri bħala passjoni, bl-ewwel persuni jlestu l-ġirja ta’ 10 kilometri f’ħin ta’ ftit iktar minn 25 minuta.

Fi tmiem il-ġirja, kull parteċipant ingħata midalja waqt li l-ewwel tlieta li kklassifikaw f’kull kategorija kienu ppreżentati bi xbiha tal-Palazz Presidenzjali tal-Belt Valletta, mogħtija mill-President ta’ Malta, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono.



Waqt li ndirizzat lil dawk preżenti, il-President irringrazzjathom tal-parteċipazzjoni tagħhom, u fakkret kif id-donazzjoni marbuta ma’ din il-ġirja se tkun qed tgħin lil tant pazjenti u l-familji tagħhom li jirrikorru għall-għajnuna għand il-Malta Community Chest Fund.



L-Eċċellenza Tagħha aċċennat li t-talbiet għall-għajnuna huma kostanti u l-bżonnijiet ikomplu jikbru sena wara l-oħra, u spjegat kif l-assistenza tal-Malta Community Chest Fund tmur ‘lil hinn minn għajnuna finanzjarja, imma wkoll appoġġ soċjali u psikoloġiku lil tant nies li jkunu affettwati mal-aħbar li persuna tkun qed tbati minn marda jew kundizzjoni medika.

The 10km L-istrina Palace Run, li bdiet fl-2025 fuq idea tal-Maġġur Richard Vassallo, kienet organizzata minn Joe Micallef u t-tim tal-Malta Marathon, bl-assistenza ta’ diversi voluntiera.

Dan minbarra l-appoġġ ta’ diversi entitajiet tal-forzi dixxiplinari Maltin, fosthom il-Korp tal-Pulizija, il-Forzi Armati ta’ Malta, LESA u Transport Malta, li ħadu ħsieb is-sigurtà tal-atleti u l-immaniġġjar tat-traffiku matul ir-rotta, kif ukoll l-entitajiet kummerċjali Eurosport, Social Causes Fund, Fort Fitness, The Farsons Foundation, MCP Car Park u Star Fruit Limited.



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI