Il-kantant u preżentatur Malti Malcolm Pisani ħabbar il-wasla ta’ programm televiżiv speċjali għall-istaġun tal-Milied, bl-isem “Milied ma’ MalKim”, li se jixxandar illejla fuq NET TV.
F’messaġġ mimli entużjażmu, Malcolm iddeskriva l-programm bħala wieħed imfassal apposta għall-poplu Malti f’dan iż-żmien tant maħbub, imżejjen bl-atmosfera festiva u “mħawwar bl-ingredjenti kollha tal-Milied”. Huwa qal li hu u t-tim tiegħu jinsabu ħerqanin u mimlijin eċitament biex jaqsmu mal-udjenza dak kollu li ppreparaw b’tant dedikazzjoni.
“Jekk verament tħobb il-Milied, dan huwa l-programm għalik,” sostna Malcolm, filwaqt li stieden lill-familji Maltin jingħaqdu miegħu għal serata ta’ divertiment u spirtu Miliedi.
Il-programm se jixxandar illejla fit-20:30 fuq NET TV, b’repetizzjoni għada, Lejliet il-Milied, fl-16:00. Fl-aħħar tal-messaġġ tiegħu, Malcolm wassal ukoll xewqat sbieħ tal-Milied lil kulħadd, u ħeġġeġ lill-pubbliku biex jiċċelebra dan iż-żmien b’qalb miftuħa u ferħ.
Facebook / Malcolm Pisani