Il-faċċata tal-Każin tas-Soċjetà Filarmonika L-Unjoni f’Ħal Luqa ġiet imżejna b’dehra ġdida u mill-isbaħ, hekk kif matul dawn il-jiem qed toffri spettaklu viżiv li żgur ma jgħaddix inosservat, speċjalment f’dan iż-żmien tant speċjali tas-sena.
Is-Sezzjoni Żgħażagħ u Partitarji Ajklieri A.D. 1997 qasmu l-ħsibijiet tagħhom dwar dan il-proġett, u qalu, “Dehra ġdida u mill-isbaħ għall-faċċata tal-Każin tas- Soċjeta’ Filarmonika ‘L-Unjoni’ A.D. 1880.
Spettaklu ta’ dawl sinkronizzat mad-diska ‘Tridx Tkun Tiegħi Dan il-Milied?’ ta’ The Travellers ft. Ira Losco, Gianluca Bezzina u Michela Pace. Dan kollu huwa frott il-ħidma siewja tas-Sezzjoni Żgħażagħ u l-Partitarji Ajklieri. Nirringrazzjaw minn qalbna lil kulħadd li ta sehmu f’dan il-proġett. Il-Milied it-Tajjeb lil kulħadd!”
Dan l-ispettaklu ta’ dawl sinkronizzat mal-mużika qed iżid aktar atmosfera festiva fil-lokalità ta’ Ħal Luqa, filwaqt li jenfasizza l-impenn u d-dedikazzjoni tas-Sezzjoni Żgħażagħ u l-partitarji li jaħdmu bla waqfien biex iżommu ħajja t-tradizzjoni u l-ispirtu komunitarju.
Inizjattivi bħal dawn juru kif il-Milied mhux biss żmien ta’ ċelebrazzjoni, iżda wkoll okkażjoni biex komunità tingħaqad u toħloq mumenti sbieħ li jitgawdew minn kulħadd.
Facebook / Sezzjoni Żgħażagħ u Partitarji Ajklieri A.D. 1997