Skont aġġornament mill-paġna lokali It-Temp Madwarna, Diċembru 2025 mistenni jkun xahar partikolarment imxarrab, b’ammont ta’ xita li jaqbeż il-medja annwali ta’ madwar 101mm. Dan ifisser li Malta se tkun qed tesperjenza Diċembru aktar imxarrab min-normal għall-ewwel darba wara stennija ta’ 11-il sena. Milli rajna s’issa, kellna ftit xita mhux ħażin!
L-aħħar darba li Diċembru kellu xita ogħla mill-medja kienet fl-2014, meta f’pajjiżna niżlu madwar 150mm xita, ekwivalenti għal madwar sitt pulzieri. Minn dak iż-żmien ’l hawn, ix-xhur ta’ Diċembru kienu ġeneralment aktar niexfa milli mistenni.
Din l-aħbar hi milqugħa b’mod pożittiv minn dawk li jħobbu l-atmosfera tax-xitwa, il-ksieħ u t-tgeddis, speċjalment wara snin ta’ nuqqas ta’ xita f’perjodi li suppost ikunu imxarrba. Xita abbundanti f’dan iż-żmien tas-sena hija wkoll importanti għall-ambjent, il-ġibjuni tal-ilma u l-bilanċ naturali tal-istaġun.
Skont l-istess sors, hemm ukoll indikazzjonijiet li s-sena l-ġdida, l-2026, mistennija tibda fuq nota kiesħa, b’kundizzjonijiet li jkomplu jsaħħu s-sensazzjoni tax-xitwa fil-jiem tal-bidu tas-sena.
Naturalment, it-tbassir tat-temp jibqa’ b’ċans li jinbidel, iżda sinjali bħal dawn jindikaw bidla interessanti fix-xejra tat-temp li ilha tinħass f’dawn l-aħħar snin. Għal ħafna, dan jista’ jfisser bidu ta’ xitwa aktar awtentika, b’aktar xita u temperaturi aktar friski milli mdorrijin bihom.