Storja li qed tqajjem ħafna emozzjoni u riflessjoni qed iddur fuq il-midja soċjali wara li Frank Zammit qasam xhieda ta’ dak li qed jitqies bħala preżunt miraklu ieħor marbut mal-interċessjoni ta’ Ġwanni Pawlu II.
Skont ir-rakkont, Amerikan jismu Thomas intlaqat minn paralizi fin-nerv tal-għajn, kundizzjoni li bdiet tikkawżalu problemi serji fil-vista. Is-sitwazzjoni kienet tant gravi li ma setax jibqa’ jaħdem, isuqu l-karozza, jew ikompli jaqdi r-rwol tiegħu bħala segretarju fil-Kunsill Parrokjali tal-lokalità fejn kien joqgħod.
Meta rrikorra għal speċjalista tal-għajnejn, it-tabib infurmah li l-proċess ta’ fejqan kien mistenni jkun twil u diffiċli, u li għall-ewwel xhur kien se jkollu jiffaċċja ġranet partikolarment iebsa. Quddiem din ir-realtà, Thomas iddeċieda li jdur lejn it-talb, u talab lil Alla bl-interċessjoni ta’ Ġwanni Pawlu II, billi beda novena.
Skont ix-xhieda tiegħu stess, fir-raba’ jum tan-novena qam f’daqqa minn raqda profonda u nnota li l-vista tiegħu kienet reġgħet saret normali. “Ma kontx naf nidħaqx jew nibkix bil-ferħ,” qal, waqt li sostna li Alla kien sema’ t-talba tiegħu bl-interċessjoni tal-Qaddej tiegħu Ġwanni Pawlu II.
L-għada stess, Thomas reġa’ mar għand l-ispeċjalista tal-għajnejn, li skont ir-rakkont baqa’ mistagħġeb kompletament b’dak li kien qed jara, tant li lanqas hu ma seta’ jispjega dak li kien seħħ.
Din l-istorja qed tiġi interpretata minn bosta bħala preżunt miraklu ieħor, u qed tkompli ssaħħaħ id-devozzjoni lejn Ġwanni Pawlu II, li għal ħafna jibqa’ figura spiritwali qawwija u sors ta’ tama f’mumenti ta’ prova u tbatija.
Facebook / Paul Cassar