U waslet ukoll ir-raba’ ġimgħa tal-awdizzjonijiet u l-emozzjoni taż-żgħażagħ żeffiena b’tama li jirbħu total ta’ €30,000 għall-avvanz tat-talent tagħhom dejjem jikber ġimgħa wara ġimgħa.
Iva l-postijiet għall-fażi li jmiss – il-kwarti tal-finali – dejjem jitnaqqru hekk kif il-ġurija professjonali ta’ Brillanti komposta minn Brenda Lee Grech, Attila, Emanuele Battista u Sol Gilgorri tagħrbel u tagħżel l-ifjen talent taż-żgħażagħ tagħna fiż-żfin!
U din il-ġimgħa fi Brillanti Dance ser ikun hemm ir-ritorn ta’ Michelle u Cheryl – żewġ ġiganti fil-qasam lokali taż-żfin – x’ser jiġri minn dawn iż-żewġ żeffiena hekk kif jitilgħu fuq il-palk majestuż ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi – ser joħorġu jtiru bil-ferħ jew rashom baxxuta?

U t-talent uniku ta’ Nina ser jolqot il-qlub tal-ġurija tagħna filwaqt illi Victoria hija lesta sabiex turi lill-membri tal-ġurija tagħna li tassew mhix qed tiċċajta u lesta sabiex turihom x’issarraf!
U xi ngħidu għal Zashaya, Kayleigh u Kristina – tliet żeffiena promettenti li lesti sabiex jagħtu l-almu kollu tagħhom għall-post fis-semifinali.
X’ġaralha Teyarnie hekk kif spiċċat l-awdizzjoni? Filwaqt li Ann u l-grupp ta’ ballerini bravi Michela, Gulia, Leah u Sarah lesti sabiex jagħtu prestazzjoni eċċezzjonali llejla, iżda ser ikun biżżejjed sabiex jimpressjonaw lill-ġurija ta’ Brillanti Dance?
U fl-aħħar xi preparat Maria bl-għan li tagħti lil Brillanti tiżwieqa differenti u kkulurita għal din is-sensiela tant maħbuba mill-Maltin u l-Għawdxin u lil hinn?
Dan u ħafna aktar fi Brillanti Dance flimkien ma’ Joseph Chetcuti u t-tim uniku tiegħu nhar l-Erbgħa li ġej fit-20.35 dejjem fuq ONE! Titilfuhx!