Il-grupp lokali Kantera qasmu mument ħelu fuq il-midja soċjali. Mument li juri anke kemm it-tradizzjoni Matija hemm tama li tibqa’ fostna, hekk kif anke ġenerazzjonijiet tal-lum, qed jinteressaw ruħhom.
“X’sorpriża ħelwa kellna mingħand dan Noah🫶 Dan iċ-ċkejken tant kemm qed juri interess fl-istrumenti tradizzjonali Maltin, tant li għamel żafżafa u ġie fejn konna qed indoqqu aħna biex idoqq magħna”.
Kantera jkomplu, “Dan hu sodisfazzjon kbir għalina, li dak li qed nagħmlu permezz tal-mużika tagħna, qiegħed jiġi trażmess f’ġenerazzjonijiet iżgħar u ma nitilfux dak li jagħmilna Maltin u Għawdxin.”
Bravu Noah! Prosit Kantera li qed tkomplu xxerrdu l-imħabba lejn l-identità Maltija.