Qanfud Imut Fix-Xlendi Wara Li Ntlaqat Minn Magna Li Taqta’ L-Ħaxix – Nature Trust B’Appell Urġenti lill-Pubbliku

L-għaqda ambjentali Nature Trust – FEE Malta permezz tas-sezzjoni tagħha ta’ Għawdex reġgħet appellat lill-pubbliku dwar il-perikli serji tal-użu tal-mechanical grass trimmers, speċjalment f’żoni fejn jista’ jkun hemm ħajja selvaġġa moħbija fost il-ħaxix u l-arbuxxelli.

It-Tlieta li għadda, voluntiera tal-għaqda ġabru qanfud li nstab fix-Xlendi b’ferita kbira u miftuħa f’rasu, b’parti minn imnieħru mdendla minħabba daqqa minn strimmer mekkaniku. Sfortunatament, l-annimal ma rnexxielux jgħix minħabba l-ħsara estensiva li sofra imnieħru, li kkawżat diffikultajiet serji fin-nifs u fl-ikel.

L-għaqda għażlet li ma taqsamx ritratti tal-feriti minħabba li huma grafiċi wisq, iżda qasmet aġġornament aktar pożittiv dwar qanfuda oħra li jisimha Holly, li nstabet fin-Nadur f’Diċembru b’ferita kbira wkoll ikkawżata minn strimmer. Fortunatament, Holly qed tfiq sew u l-ferita tagħha kważi għalqet kompletament.



Nature Trust spjegat li ħafna annimali jinqatlu mill-ewwel meta jintlaqtu minn dawn l-apparati. Dawk li ma jmutux minnufih jispiċċaw b’feriti miftuħa u infettati li jwasslu għal mewt bil-mod u b’ħafna uġigħ. F’każijiet fejn l-annimali jintlemħu mweġġgħa u jinġiebu għand il-voluntiera, ħafna drabi jkunu jeħtieġu xhur ta’ kura qabel ma jirkupraw kompletament.



L-appell huwa wieħed sempliċi iżda importanti, jekk hemm bżonn tuża strimmer, iċċekkja l-ħaxix u l-arbuxxelli qabel tibda. Il-qniefed għandhom it-tendenza li jitkebbbu f’ballun biex jipproteġu ruħhom minflok jaħarbu, u għalhekk jispiċċaw vittmi faċli ta’ dawn l-għodod.

L-għaqda tfakkar ukoll li dawn l-annimali huma speċi protetti bil-liġi f’Malta u huwa illegali li tagħmlilhom ħsara jew iżżommhom bħala pets. Il-voluntiera għandhom il-permessi u t-taħriġ meħtieġ biex jimmaniġġjaw u jsalvaw dawn il-kreaturi.

Min josserva annimal selvaġġ ferut jew fil-periklu jista’ jċempel lit-Tim tal-Wildlife Rescue Malta fuq 9999 9505. Iċ-ċentru ta’ riabilitazzjoni ta’ Xrobb l-Għaġin f’Malta huwa miftuħ għall-pubbliku (bil-booking minn qabel), fejn wieħed jista’ jara mill-qrib annimali bħal fkieren tal-baħar u qniefed li jkunu qed jirkupraw.

Appell ieħor biex ftit minuti ta’ attenzjoni jistgħu jsalvaw ħajja.



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI