Xi viżitaturi li dan l-aħħar kienu qed iduru ġewwa Bay Street Shopping Complex f’San Ġiljan innutaw xi ħaġa li mill-ewwel qajmet ħafna kurżità – tabella promozzjonali li ġġib l-isem tad-ditta Victoria’s Secret.
Victoria’s Secret hija ditta magħrufa mad-dinja kollha bħala waħda mill-aktar marki popolari fil-qasam tal-ħwejjeġ, ħwejjeġ intimi, prodotti tas-sbuħija kif ukoll fwieħa. Il-kumpanija Amerikana saret popolari ma’ bosta pajjiżi u maż-żmien saret imsemmija għall-Victoria’s Secret Fashion Show.
Il-paġna uffiċjali ta’ BayStreet Malta qasmet ukoll storja fuq il-midja soċjali fejn jidher il-banner tad-ditta famuża ġewwa l-kumpless kummerċjali u b’hekk ġie ikkonfermat li l-ħanut ġdid jinsab fi triqtu lejn il-gżejjer Maltin.
Il-kumpanija twaqqfet fl-1977 fl-Istati Uniti. Illum il-ġurnata, Victoria’s Secret għandha ħwienet f’diversi pajjiżi madwar id-dinja u tkompli tattira miljuni ta’ klijenti. Il-wasla ta’ Victoria’s Secret diġà qed toħloq entużjażmu kbir fost dawk li jħobbu l-moda u ta’ spiss kienu jixtru l-prodotti tagħhom minn barra.
Skont l-informazzjoni li qed tiċċirkola bħalissa, il-ħanut f’Malta mistenni li jiftaħ il-bibien tiegħu f’Ġunju u se jkun jinsab fil-kumpless popolari ta’ Bay Street f’San Ġiljan.
Żgur li aħbar bħal din se tferraħ lil bosta dilettanti Maltin!
Facebook/ Bay Street Shopping Complex