Kien proprju fit-18 ta’ Marzu tas-sena l-oħra meta bosta tħallew imnikkta bl-aħbar li l-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona kien ħalla din id-dinja.
Għada, f’għeluq l-ewwel sena mit-telfa tiegħu, se jkunu qed jitfakkru l-memorja u l-ħidma li wettaq matul ħajtu permezz ta’ quddiesa speċjali li se tkun qed titqaddes proprju mis-suċċessur tiegħu, l-Arċisqof Charles J Scicluna.
Fuq il-paġna Kattoliċi Maltin filwaqt li tħabbret din il-quddiesa ġie spjegat kif din se tkun qiegħda sseħħ fuq inizjattiva ta’ bosta patrijiet Dumnikani li kellhom l-opportunità li jsiru jafu mill-qrib lill-Arċisqof Emeritu matul ħajtu.
Dan hekk kif hu kien qatta’ parti kbira minn ħajtu, b’mod partikolari ż-żmien li fih kiber spiritwalment, mal-patrijiet Dumnikani.
Bosta jibqgħu jiftakru lill-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona għas-sempliċità tiegħu u t-tjubija li dejjem wera ma’ dawk ta’ madwaru.
Facebook / Parroċċa Santa Venera u L-Arċidjoċesi ta’ Malta