Esperjenza emozzjonanti u sinifikanti kienet dik li qasam Ivan Gaffiero fuq il-midja soċjali, hekk kif wara snin twal reġa’ kanta waqt funeral, din id-darba dak ta’ Kevin Galdes.
Ivan spjega kif ilu ħafna snin ma joffri s-servizz tiegħu f’tiġijiet u funerali, iżda din l-okkażjoni kienet differenti. Huwa qal li ħass li kellu jagħmel dan il-pass lura lejn dan it-tip ta’ servizz, speċjalment minħabba ċ-ċirkostanzi diffiċli madwar il-funeral.
Huwa faħħar ukoll lil Terry Muscat, li kienet wara inizjattiva biex tinġabar għajnuna sabiex il-funeral seta’ jsir b’dinjità. Ivan irrimarka kemm dan il-ġest kienet importanti, partikolarment meta wieħed iqis li hemm nies li kważi ma għandhomx familja li tista’ tieħu ħsieb dawn l-affarijiet.
“Ejja nieħdu ħsieb lil xulxin, ħbieb,” kiteb Ivan, f’messaġġ li mess il-qlub ta’ ħafna li raw il-post. Wara din l-esperjenza, jidher li din tista’ tkun bidu ġdid għalih, hekk kif ġiet offruta lilu opportunità biex jerġa’ jibda jkanta waqt ċerimonji bħal dawn. Huwa saħansitra appella lil mużiċisti li jdoqqu l-pjanu jew l-orgni biex jikkuntattjawh jekk jixtiequ jikkollaboraw miegħu.
Storja li tfakkarna kemm il-kompassjoni u s-solidarjetà għadhom importanti fis-soċjetà tagħna.
Facebook / Ivan Gaffiero