F’San Vinċenz de Paul, fejn se jitla’ l-bini ta’ sptar ġdid ta’ 300 sodda għall-kura intermedjarja, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar il-ħruġ tas-sejħa għall-iżvilupp ta’ dan l-isptar ġdid, li se jkun tal-ewwel f’pajjiżna fejn tidħol il-kura intermedjarja.
Il-Prim Ministru ddeskriva dan it-tender bħala l-ewwel pass f’viżjoni usa’ li se twassal biex intelqu aspett ġdid fil-kura tas-saħħa li pajjiżna qatt ma kellu qabel.

Dr Abela rrimarka li fl-2024 kien inbeda proġett pilota b’16-il sodda li mbagħad ġie estiż għal 40 sodda permezz tar-rinnovazzjoni ta’ żewġ swali fil-kumpless Rużar Briffa f’San Vinċenz de Paul.
Huwa saħaq li dan il-proġett pilota kien wieħed ta’ suċċess, b’riżultat t’hekk il-Gvern qed jimbarka fuq proġett ta’ biljun u tliet mitt miljun ewro.

Huwa qal li dan l-investiment huwa parti minn kullana ta’ investimenti li qed jitwettqu fis-settur tas-saħħa. “Illum bħala Gvern ninvestu fis-sena madwar €1.7 biljun fis-saħħa li minnhom terz ta’ biljun għall-kura tal-anzjani.
Dan kollu b’mod komprensiv huwa ħames darbiet aktar minn dak li l-pajjiż kien jinvesti fl-2012 taħt amministrazzjoni preċedenti,” spjega Dr Abela.

Il-Prim Ministru semma kif sal-ġimgħa l-oħra stess f’San Vinċenz ġiet introdotta MRI li tippermetti eżamijiet aktar kumplessi b’livell għoli ta’ preċiżjoni.
Huwa nnota kif apparti mill-investiment infrastrutturali u teknoloġiku, il-Gvern kompla jinvesti bis-sħiħ fil-ħaddiema, fejn għamel referenza għal-aqwa pakkett finanzjarju u kundizzjonijiet li qatt kellhom il-professjonisti fis-saħħa u l-kura tal-anzjani.
Dr Abela saħaq li s-settur privat huwa sieħeb strateġiku biex jitkompla jingħata livell għoli ta’ kura u ħarsien lill-anzjani. Huwa spjega li bħalissa hemm 20 ftehim mas-settur privat għax-xiri ta’ sodod biex tingħata l-aqwa kura possibbli, filwaqt li tlett idjar tal-Istat huma operati mill-privat.

Il-Prim Ministru żied li dan kollu huwa investiment fl-anzjani li jista’ jibqa’ sostenibbli bis-saħħa ta’ ekonomija b’saħħitha, li tippermetti lill-Gvern jinvesti kemm fl-għajnuna fl-enerġija u ftehimiet aħjar għall-ħaddiema, kif ukoll f’setturi kruċjali bħalma huma s-saħħa u l-kura u l-ħarsien tal-anzjani.
Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela tenna kif ftit aktar minn sentejn ilu l-Gvern esplora l-kunċett ġdid ta’ kura intermedja bil-ħsieb li noffru kura ffukata biex nevitaw deterjorament fil-kundizzjoni medika.

“Illum qed nippreżentaw proġett ta’ 300 sodda li ħa jkun il-pont bejn kura fid-dar u kura fi sptar akut għall-anzjani f’Malta,” temm jgħid il-Ministru Jo Etienne Abela.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea spjega li l-Gvern għandu viżjoni ċara u ambizzjuża li tpoġġi lill-anzjani u l-bżonnijiet tagħhom fil-qalba tal-politika tiegħu, inkluż permezz tal-bini ta’ dan l-isptar ġdid kompletament iddedikat għalihom.

Huwa qal li dan il-proġett qed jitfassal b’attenzjoni kbira u fuq standards ta’ sptarijiet moderni barra minn Malta.
Is-Segretarju Parlamentari Agius Galea żied jgħid li diġà qed jiġu offruti servizzi ta’ kwalità f’San Vinċenz de Paul, bi swali ta’ kura intermedjarja u timijiet speċjalizzati li jgħinu lill-anzjani jirkupraw aktar malajr u jirritornaw għall-ħajja normali. Sostna li dan kollu qed jikkumplimenta l-bini ta’ dan l-isptar il-ġdid Sir Temi Zammit, fi ħdan San Vinċenz De Paul.