“Fl-Iskejjel Għandna Nitgħallmu L-Ewwel L-Ingliż Għax Inkella Mbagħad Tbati Fid-Dinja Tax-Xogħol” – Peppi Azzopardi

F’dibattitu waqt Popolin, il-preżentatur u opinjonista lokali Peppi Azzopardi ssuġġerixxa li f’pajjiżna l-ilsien Ingliż għandu jibda jiġi mgħallem qabel dak Malti. Hu spjega li dan għandu jseħħ għaliex illum il-ġurnata l-ħila li tikkomunika effettivament bil-lingwa Ingliża saret neċessarja fid-dinja tax-xogħol u fisser kif għaldaqstant ħaddiema li ma jkollhomx din il-ħila qed isibu rwieħhom fi żvantaġġ.

Mal-preżentatur Quinton Scerri, Peppi sostna l-argument tiegħu li l-lingwa Ingliża hija importanti fid-dinja tax-xogħol billi fisser kif saħansitra intervista lil persuni li jkunu qed ifittxu mpjieg illum il-ġurnata qed issir bl-Ingliż.

Hu kompla jisħaq li minħabba f’hekk jeżistu realtajiet ta’ persuni li jkunu kapaċi ferm f’xogħolhom iżda ma jingħatawx l-impjieg appuntu għaliex ma jkunux kapaċi jitħaddtu b’kunfidenza bl-Ingliż.

L-opinjonista lokali fisser kif hu għandu mħabba kbira lejn l-ilsien Malti tant li permezz tiegħu matul is-snin ta l-ħajja lil numru kbir ta’ poeżiji u kanzunetti. Peppi sostna li hu favur li l-lingwa Maltija tibqa’ ħajja f’pajjiżna iżda rrimarka li fil-fehma tiegħu, is-sistema edukattiva mhijiex tilħaq dan l-għan.

Peppi kompla jispjega kif jemmen li għandu jkun hawn mezzi iktar interessanti għall-istudenti kif il-litteratura Maltija tiġi spjegata u interpretata.

Hu rrefera għal waħda mill-poeżiji tal-mibki Ġorġ Pisani; il-poeżija bl-isem ‘Il-Barri’ li kienet titkellem dwar il-krudeltà li jgħaddi minnha l-barri meta jinqatel għad-divertiment tan-nies. Peppi stqarr li meta qara din il-poeżija tant kien tħalla influwenzat li għażel li jsir veġetarjan dakinhar.

Il-preżentatur lokali temm jisħaq li fil-fehma tiegħu sabiex l-istudenti verament isiru jħobbu l-lingwa Maltija jeħtieġ li l-litteratura tiġi mgħallma b’mod li tħalli lill-istudenti liberi sabiex jagħtuha l-interpretazzjoni li jixtiequ ħalli b’hekk ikunu jistgħu jifhmu verament il-messaġġ tal-awtur.



Intom x’taħsbu dwar dan?





Ritratti:

Facebook / Popolin

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI