Ftit sigħat ilu, il-Papa Ljun XIV appella għat-tneħħija immedjata tal-piena tal-mewt mill-Amerka u madwar id-dinja hekk kif sostna li l-Knisja Kattolika dejjem għallmet li l-ħajja umana għandha tiġi mħarsa mill-konċepiment sal-mewt naturali.
Il-Mexxej tal-Knisja Kattolika tenna dan fl-isfond ta’ attentati li qed tagħmel bħalissa t-tmexxija tal-President Amerikan Donald Trump sabiex issaħħaħ l-użu tal-piena kapitali.
Il-Papa fisser kif l-ebda uman ma jistħoqqlu jitlef id-dinjità tiegħu, lanqas meta jwettaq fost l-agħar atti kriminali. Spjega li jeżistu mezzi alternattivi li filwaqt li jiżguraw li s-soċjetà tibqa’ sigura, fl-istess waqt jagħtu lill-ħati l-opportunità sabiex jifdi lilu nnifsu.
Il-Kap tal-Vatikan temm l-intervent tiegħu billi esprima sens ta’ solidarjetà ma’ dawk kollha, fl-Amerka u madwar id-dinja, li bħalissa qed jiġġieldu sabiex tiġi abolita l-piena kapitali.
Dan is-suġġett fl-Amerka huwa meqjus bħala wieħed kontroversjali ferm. Studju li kien sar f’Ottubru li għadda mis-sit Amerikan Gallup wera li 52% mill-poplu Amerikan huma favur il-piena tal-mewt filwaqt li 48% huma kontra.
Intom x’taħsbu?
YouTube / Vatican News – English u Pexels