Melvic Zammit ħabbar li se jkun qed jirritorna fuq l-istazzjon nazzjonali TVM wara nuqqas ta’ sitt snin, bi rwol ġdid li jġib miegħu aktar responsabbiltà.
Melvic Zammit qasam din l-aħbar permezz ta’ post fuq il-midja soċjali, fejn spjega li din id-darba mhux biss se jkun qed jippreżenta, iżda wkoll jipproduċi diskussjonijiet politiċi marbuta mal-kampanja elettorali għall-Elezzjoni Ġenerali 2026.
Fil-messaġġ tiegħu, Zammit kiteb, “Wara sitt snin, lura fuq TVM. Din id-darba b’responsabilità ġdida fejn ser nipproduċi u nippreżenta diskussjonijiet politiċi tul din il-kampanja elettorali għall-Elezzjoni Ġenerali 2026. Kuljum bejn 7:15 u 7:45.”
Dan ifisser li kuljum filgħodu, bejn is-7:15 u s-7:45, it-telespettaturi se jkollhom l-opportunità jsegwu dawn id-diskussjonijiet li mistennija jiffukaw fuq temi politiċi attwali u rilevanti għall-elezzjoni li ġejja.
Ir-ritorn tiegħu fuq TVM qed iqajjem interess fost dawk li jsegwu x-xena medjatika u politika lokali, speċjalment fid-dawl tal-irwol importanti li se jkollu f’dan il-perjodu kruċjali għall-pajjiż.
Facebook / Melvic Zammit