Storja personali u emozzjonanti minn Maxine Aquilina fetħet diskussjoni sinċiera dwar relazzjonijiet familjari, fejqan emozzjonali u l-qawwa tal-maħfra.
F’kitba li qasmet fuq il-midja soċjali, Maxine irrakkontat kif ħames snin ilu kellha laqgħa li bidlitilha ħajjitha, meta ltaqgħet ma’ missierha għall-ewwel darba wara 27 sena. Hija spjegat kif trabbiet minn ommha, li ddeskriviet bħala tal-ġenn u li għamlet xogħol straordinarju fit-trobbija tagħhom, filwaqt li missierha ma kienx preżenti minn meta kienet għadha tifla żgħira ta’ madwar 5 snin.
Mingħajr ma tidħol fid-dettall dwar ir-raġunijiet wara din l-assenza, Maxine semmiet li kienet sitwazzjoni frott deċiżjonijiet u differenzi bejn żewġ adulti. Iżda snin wara, b’mod li hi stess iddeskriviet bħala kważi kienet ġo film, inħolqot opportunità li terġa’ tiltaqa’ ma’ missierha.
Bħala adulta, kienet hi li kellha tieħu d-deċiżjoni u għażlet li tiftaħ qalbha u tagħti ċans lil din il-laqgħa sseħħ. Hija ammettiet li l-esperjenza ġabet magħha taħlita kumplessa ta’ emozzjonijiet, li diffiċli tiddeskrivihom, bejn ferħ, uġigħ, mistoqsijiet u inċertezza.
Maxine sostniet li għadha qed tieħu din il-vjaġġ pass pass, b’moħħ u qalb miftuħa. Minkejja li hemm ħafna mistoqsijiet li x’aktarx qatt ma jsibu tweġiba, hija qalet li waslet biex taċċetta li “closure” jista’ ma jasal qatt.
Madankollu, fil-kliem tagħha hemm riflessjoni qawwija u matura, li anke jekk mhux kollox jiġi solvut, hemm libertà fil-maħfra jew forsi anke sempliċiment fl-aċċettazzjoni. Storja li tolqot il-qalb u li tfakkarna kemm huma kumplessi r-relazzjonijiet umani, u kemm il-fejqan personali kultant jibda minn deċiżjoni waħda kuraġġuża.
Instagram / Maxine Aquilina