“Aqta’ kemm għandi żmien… F’Ottubru għalaqt 90 sena.” Hekk bdiet tirrakkonta Ġiovanna f’xhieda emozzjonanti li ġiet maqsuma fuq il-paġna People of Malta, fejn fetħet qalbha dwar il-ħajja, il-familja u t-tbatijiet li għaddiet minnhom.
Bi tbissima u kliem mimli għerf, Ġiovanna qalet li dejjem ippruvat iżżomm ruħha pulita u pożittiva minkejja l-isfidi tal-ħajja u r-responsabbiltà li trabbi erbat itfal. “Il-ħajja sabiħa kif tgħixha inti,” qalet, filwaqt li sostniet li l-flus waħedhom ma jagħtux il-ferħ. “Il-flus mhux kollox. Veru sbieħ u tgħix komdu bihom, imma tista’ tgħix ħajja tajba anki mingħajrhom.”
Madankollu, fost il-mumenti sbieħ, Ġiovanna ġarret ukoll uġigħ kbir. Hija rrakkuntat kif tilfet lil binha l-kbir meta kellu biss 34 sena, esperjenza li ddeskrivietha bħala wieħed mill-aktar mumenti koroh ta’ ħajjitha.
“Jien u r-raġel konna għidna aħjar li mittna aħna milli t-tifel,” stqarret b’emozzjoni. Hija tkellmet ukoll dwar il-mument meta saret taf li kellha l-cancer, fejn qalet li l-ewwel ħsieb tagħha kien għat-tfal tagħha. “Għidtlu Bambin, aħjar mess lili milli fuq it-tfal. Il-familja dejjem importanti għalija,” temmet tgħid.
Ix-xhieda ta’ Ġiovanna messet il-qlub ta’ ħafna nies fuq il-midja soċjali, b’ħafna jfaħħru s-saħħa, il-kuraġġ u l-għerf tagħha dwar dak li tassew jgħodd fil-ħajja.
Facebook / The People of Malta