Momentum Jappellaw Biex L-Ispeaker Tal-Parlament Jinħatar Mill-Partiti Ż-Żgħar

Il-partit Momentum appella lill-Partit Laburista u lill-Partit Nazzjonalista biex jikkunsidraw li l-Ispeaker tal-Parlament fil-leġiżlatura l-ġdida jkun nominat minn wieħed mill-partiti ż-żgħar, wara r-riżultat li kisbu fl-Elezzjoni Ġenerali tal-2026.

Momentum kiseb 1.5% tal-voti fuq livell nazzjonali, filwaqt li ADPD kiseb 1.3%, riżultat li skont Momentum juri li eluf ta’ votanti qed ifittxu alternattiva għaż-żewġ partiti tradizzjonali. Fi stqarrija, il-partit qal li dan joħloq “opportunità unika biex l-istituzzjonijiet demokratiċi Maltin jagħmlu pass ’il quddiem fil-maturità demokratika tagħhom”.



Momentum ippropona li l-PL u l-PN jilħqu ftehim sabiex l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti jkun persuna proposta b’mod konġunt minn Momentum u ADPD. Skont il-partit, pass bħal dan jibgħat messaġġ ċar li l-Parlament jappartjeni liċ-ċittadini kollha u mhux biss liż-żewġ partiti ewlenin. Żied jgħid li dan ikun ukoll rikonoxximent tal-votanti li għażlu vuċi politika differenti u li qed jitolbu demokrazija aktar pluralista.



Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-kap ta’ Momentum, Arnold Cassola, sostna li l-partit kiseb riżultat pożittiv minkejja li twaqqaf biss ftit xhur ilu. Cassola qal li l-4,700 vot tal-ewwel għadd li kiseb il-partit fuq livell nazzjonali kienu jimmeritaw rappreżentanza parlamentari, iżda dan ma kienx possibbli minħabba s-sistema elettorali attwali.

Huwa spjega li sal-aħħar għadd il-partit kien laħaq madwar 6,700 vot, filwaqt li ADPD kiseb kważi 4,000 vot. “B’4,700 vot tal-ewwel għadd u 6,700 sal-aħħar għadd, kellna niksbu siġġu komdu fil-Parlament. L-istess japplika għal ADPD,” qal Cassola.

Huwa sostna li n-nuqqas ta’ rappreżentanza ta’ dawn il-voti jfisser li eluf ta’ votanti mhux se jkollhom vuċi diretta fil-Kamra tar-Rappreżentanti. Cassola rrefera wkoll għas-sistema tal-kwota tal-ġeneru, fejn qal li se terġa’ tinħoloq sitwazzjoni li ddeskriva bħala “farċa”. Huwa osserva li ċ-chairperson ta’ ADPD, Sandra Gauci, mhux se tkun eliġibbli għal siġġu addizzjonali taħt il-mekkaniżmu tal-bilanċ bejn is-sessi, peress li dan japplika biss għal partiti li diġà għandhom rappreżentanza parlamentari.

Skont Cassola, Gauci kisbet aktar voti minn diversi kandidati li huma eliġibbli għal dawn is-siġġijiet, iżda xorta waħda se tibqa’ barra mill-Parlament minħabba r-regoli attwali.



Ritratti:

Facebook / Partit Momentum

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI