Dan il-jum wassal lil Clive Piscopo biex jaqsam rflessjoni dwar il-familja, il-ġenituri u l-prijoritajiet fil-ħajja.
Huwa rrakkonta kif, ħames snin ilu, meta kien qed jistenna l-ewwel tarbija tiegħu, kien iddeċieda li jnaqqas mill-impenji tar-reċtar biex ikun aktar preżenti ma’ familtu. Dak iż-żmien, qal li persuna importanti fl-industrija wissietu li kien qed jagħmel “żball kbir” u saħansitra qaltlu li kien se jagħmel “career suicide”.
Minkejja dan, Piscopo spjega kif jippreferi li jinsewh in-nies kollha tad-dinja milli jinsewh uliedu, u li l-akbar sodisfazzjon tiegħu huwa li jiftaħ il-bieb tad-dar u jarahom jiġru lejh b’daħka fuq wiċċhom.Huwa ddeskriva diversi mumenti żgħar iżda prezzjużi li jimlewlu qalbu, fosthom meta wliedu jżommulu subgħajh waqt l-irqad, juruh ix-xogħol li jkunu għamlu l-iskola jew jitolbuh jaqralhom storja.
Fir-riflessjoni tiegħu, Clive tkellem ukoll b’għożża kbira dwar missieru, li sejjaħlu b’umoriżmu “il-king u l-project manager tiegħi” u qal li llum japprezza aktar minn qatt qabel is-sagrifiċċji li għamel għalihom. Huwa sostna li l-isbaħ rigal li missier jista’ jagħti lil uliedu huwa li jkun preżenti f’ħajjithom, kemm fil-mumenti ferrieħa kif ukoll f’dawk diffiċli.
Fl-aħħar tal-messaġġ tiegħu, Piscopo qal li llum iħossu grat lejn il-missirijiet li ġew qablu u determinat li jkun il-missier li wliedu jistħoqqilhom. Żied ukoll li jixtieq ikun ta’ gwida wkoll għal dawk l-istudenti tiegħu li forsi ma kellhomx figura ta’ missier f’ħajjithom.
Fb/ Clive Piscopo