Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħhom, It-Temp Madwarna tkellmu dwar l-effetti tal-kundizzjonijiet estremi tat-temp li saħansittra qed joqtlu l-iġmla, annimali magħrufin li jifilħu għal sħana estrema.
Huma qalu, “Fl-Etjopja, is-Somalja u l-Kenja fil-Lvant tal-kontinent Afrikan, u anke fit-Tramuntana tal-Alġerija, pajjiż li jmiss mal-Mediterran, u li dawn kollha jmissu mad-Deżert Saħara - qed imutu l-iġmla! Minkejja li dawn l-annimali jifilħu għax-xemx, nixfa u temperaturi għoljin iżjed minn 40°C, nixfa severa u temperaturi estremi daqs 50°C qed inixxfuhom minn ġewwa, jiġu vulnerabbli għall-mard, jaqgħu u jmutu.”
Żiedu jgħidu, “Il-ġemel hu meqjus bħala annimal li jiflaħ għal kundizzjonijiet ħorox u jintuża fit-trasport ta’ ħafna merkanzija fl-inħawi fejn m’hemmx toroq fid-deżert Afrikan - l-akbar deżert sħun tad-dinja li jinsab biss ftit kilometri fin-Nofsinhar u l-Lbiċ tal-gżejjer Maltin.”