Eva Għalqet 4 Snin U Flok Rigali Staqsiet Għal Donazzjonijiet Biex Jingħataw Lil Innocent Paws Li Jgħinu Ħafna Annimali

F’għeluq sninha, ċ-ċkejkna Eva li għandha biss 4 snin iddeċidiet li flok rigali tistaqsi għal donazzjonijiet biex tgħin lill-annimali. Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħhom, Innocent Paws - Maria D’Amato tkellmu dwar dan.

Huma qalu, “Hemm ġesti li, żgħar kemm huma żgħar, jimlewli qalbi b’tant imħabba. Ilbieraħ, qalbi ħassejtha se tisplodi bil-ferħ. Għar-raba’ għeluq sninha, ċ-ċkejkna Eva għażlet li tagħmel xi ħaġa tassew speċjali. Minflok ma rċeviet ġugarelli u rigali, hija talbet biex jingħataw donazzjonijiet lil Innocent Paws.”

Żiedu, “Ilbieraħ iltqajna u din it-tifla ħelwa immens tatni l-€135 li rnexxielha tiġbor għall-klieb tagħna. Li tara daqshekk tjubija, ħniena u mħabba lejn l-annimali ġejjin minn tifla ta’ età daqshekk żgħira jimlieli qalbi b’tama kbira. Grazzi mill-qalb, Eva. Dak li għamilt huwa apprezzat ferm aktar milli tista’ timmaġina, speċjalment fi żmien meta kull ftit għajnuna tagħmel differenza kbira. Awguri għar-raba’ għeluq sninek, Eva! Qatt titlef dik il-qalb tajba li għandek. Id-dinja għandha bżonn aktar Evas.”

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI