“Ġejt Trattata Bħala Pazjenta L-Ewwel” – Mara Mill-Filippini Tfaħħar Is-Servizz Tas-Saħħa F’Malta

Mara mill-Filippini li ilha tgħix Malta għal diversi snin qasmet l-ewwel esperjenza tagħha fi sptar tal-Gvern f’pajjiżna, wara li kellha tirrikorri fid-Dipartiment tal-Emerġenza minħabba uġigħ qawwi. Araw il-filmat HAWN.

F’kitba fuq il-midja soċjali, hija spjegat li daħlet l-isptar bħala ċittadina ta’ pajjiż terz (TCN), imbeżżgħa u b’uġigħ li ma setgħetx tiflaħ aktar. Għalkemm stenniet fit-tul u kellha tagħmel diversi testijiet qabel ma ddaħħlet għal aktar osservazzjoni, qalet li dak li baqa’ l-aktar f’moħħha kien il-mod kif ġiet trattata mill-ħaddiema tas-saħħa.

Hija faħħret lit-tobba u lill-infermiera għall-kalma, il-paċenzja u l-ġentilezza tagħhom, filwaqt li sostniet li ħadu l-ħin biex jispjegawlha x’kien qed jiġri u biex jiżguraw li tifhem il-kundizzjoni tagħha. Iżda kien hemm aspett ieħor tal-esperjenza. Wara li ngħatat il-kura u l-mediċini meħtieġa, kif ukoll iċ-ċertifikat mediku tagħha, setgħet titlaq mill-isptar mingħajr ma kellha għalfejn tinkwieta dwar depożitu jew ħlas qabel ma tingħata l-kura.

Meta qabblet din l-esperjenza ma’ dak li kienet imdorrija biha fil-Filippini, hija kitbet li hemmhekk ħafna drabi l-ħsieb dwar kemm se tiswa l-kura jiġi qabel il-kura nnifisha. "F’dak il-mument ħassejt xi ħaġa sempliċi iżda qawwija: saħħti kienet aktar importanti mill-kartiera tiegħi," sostniet.

Il-mara rrikonoxxiet ukoll li s-sistema tas-saħħa Maltija mhix perfetta, u semmiet fost l-isfidi l-ħinijiet twal ta’ stennija u l-pressjoni fuq il-ħaddiema. Madankollu, qalet li tagħmel differenza kbira meta persuna tħoss li qed tiġi trattata bħala bniedem u pazjent qabel kollox.

"Fl-aħħar mill-aħħar, is-saħħa qatt m’għandha tistenna l-flus," kitbet, filwaqt li appellat lil dawk li qraw il-messaġġ tagħha biex jisimgħu minn ġisimhom u ma jinjorawx sinjali li xi ħaġa tista’ tkun ħażina. Issa li tinsab lura d-dar tistrieħ u tħossha aħjar, hija temmet il-messaġġ tagħha bi gratitudni lejn dawk li ħadu ħsiebha.

Ritratti:

Facebook / Mater Dei Hospital

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI