Żagħżugħ Ta’ 27 Sena Jitlef Ħajtu F’Inċident F’Ħal Qormi – Kien Se Jsir Missier Għall-Ewwel Darba

Aħbar ta’ qsim il-qalb hi marbuta mat-traġedja li seħħet ilbieraħ f’ Ħal Qormi, hekk kif Mohammed Abdul Jawad, ta’ 27 sena, tilef ħajtu f’inċident tat-traffiku.

Mohammed, li skont persuni qrib tiegħu kien ilu miżżewweġ madwar sitt xhur, kien qed jistenna bil-ħerqa li jsir missier għall-ewwel darba. Martu tinsab tqila u, skont sħabu, iż-żagħżugħ kien jinsab ferm kuntent bl-istennija tat-tarbija tiegħu.

L-inċident seħħ għall-ħabta tal-11:45 ta’ filgħodu fi Triq Ħandaq, f’ Ħal Qormi, meta seħħet ħabta bejn trailer u trakk żgħir li kien qed isuq Mohammed. Huwa spiċċa maqbud ġewwa l-vettura u ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.

Il-Maġistrat Monica Borg Galea fetħet inkjesta dwar il-każ, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija u tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol għadhom għaddejjin.

Il-mewt ta’ Mohammed ħalliet warajha familja u ħbieb imnikktin, iżda l-fatt li kien se jsir missier, jagħmel din it-telfa saħansitra aktar devastanti.

Kondoljanzi jmorru lil mart Mohammed, lill-familja tiegħu u lil dawk kollha li kienu jafuh u jħobbuh f’dan il-mument ta’ niket kbir.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI