Waqt il-podcast WhosWho Talks, il-produttur Malti Mark Grech żvela fost oħrajn li se tkun qiegħda sseħħ verżjoni Maltija tar-reality show tant popolari barra minn xtutna 'The Traitors'.
Dan ir-reality show jaf l-oriġini tiegħu proprju fl-Olanda u fih il-parteċipanti jiġu maqsuma f'żewġ gruppi differenti - dawk leali u dawk li huma tradituri. Matul l-andament tal-programm, il-parteċipanti kollha jridu jipprovaw jidentifikaw liema huma l-parteċipanti tal-grupp oppost tagħhom u mbagħad, x'ħin jingħataw l-opportunità, jeliminawhom fil-votazzjoni. Dan filwaqt li jipparteċipaw f'diversi missjonijiet differenti bil-għan li jkabbru l-premju finali.
Mark ħabbar li dan il-programm se jkun qed jitnieda f'Ottubru iżda ma żvelax id-data ta' meta se jkun qed jixxandar l-ewwel episodju ta' dan ir-reality show. Għadu mhux magħruf ukoll jekk il-parteċipanti humiex se jkunu persuni popolari jew inkella personalitajiet li diġà huma familjari mal-udjenza Maltija.
Ma' Tim Diacono u Jonathan Cilia, il-produttur Malti żvela wkoll li r-reality show Big Brother, li tant intlaqa' tajjeb mill-udjenza Maltija, se jkun qed jirritorna proprju s-sena d-dieħla. Wara li f'April li għadda l-ewwel edizzjoni ta' dan ir-reality show wasal fi tmiemu, is-segwaċi kollha tħallew jistaqsu meta se jkun hemm ir-ritorn ta' staġun ieħor.
Mark Grech semma wkoll li bħalissa hemm ħidma sabiex tittella' edizzjoni oħra tal-programmi MasterChef kif ukoll Tipping Point.
Ħerqana biex jirritornaw dawn il-programmi popolari fit-televixin Malti?
Facebook / Big Brother Malta, MasterChef Malta, WhosWho.mt u The Traitors