Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħhom, Dipartiment tal-Informazzjoni qasmu informazzjoni rigward quddiesa li saret riċentament f’Marsaxlokk.
Qalu, “Kmieni din il-ġimgħa, f’Marsaxlokk saret il-quddiesa u ċ-ċelebrazzjoni tat-tberik tad-dgħajjes u l-bastimenti tas-sajjieda bi tħejjija għall-istaġun tal-lampuki. Iċ-ċerimonja, immexxija mill-Kanonku Dun Roderick Baldacchino, tibqa’ waħda mit-tradizzjonijiet ewlenin tal-komunità tas-sajd u timmarka l-bidu ta’ staġun importanti għas-sajjieda Maltin u Għawdxin.”
Żiedu, “Fil-ġimgħat li għaddew, is-sajjieda lestew il-preparamenti tagħhom għall-istaġun, fosthom il-preparazzjoni tal-kannizzati bil-weraq tal-palm. Din it-teknika tradizzjonali, żviluppata minn sajjieda Maltin u Għawdxin, tintuża biex tattira l-lampuka, li tfittex id-dell tal-kannizzati waqt li żżomm qrib il-wiċċ tal-baħar fond. Bħala parti mill-appoġġ kontinwu lis-settur, il-Gvern qassam ukoll il-weraq tal-palm meħtieġa għal dawn il-preparamenti.”
Qalu wkoll, “L-istaġun tal-lampuki jibda uffiċjalment fil-15 ta’ Awwissu, skont ir-regolamenti Ewropej ibbażati fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (GFCM), u jkompli sal-aħħar tas-sena. Qabel il-ftuħ tal-istaġun, id-dgħajjes u l-bastimenti jiġu mgħammra bil-kannizzati, ġebel, palm u ċimi li jitqiegħdu f’pożizzjonijiet allokati mid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura.”