“Għaddew 14-Il Sena Minn Meta Għalaqt Għajnejk Għall-Aħħar Darba” – L-Għaqda Duminku Mintoff Tfakkar Il-Memorja Tiegħu

Illum qed jitfakkar l-14-il anniversarju mill-mewt tal-eks Prim Ministru u mexxej Laburista, il-Perit Duminku Mintoff, li miet fl-20 ta’ Awwissu tal-2012 fl-età ta’ 96 sena. F’din l-okkażjoni, il-Għaqda Duminku Mintoff qasmet messaġġ b’tislima lill-memorja tiegħu, fejn iddeskrivietu bħala "bniedem li ħalla marka profonda fl-istorja ta’ Malta u fil-ħajja ta’ ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ Maltin u Għawdxin."

L-Għaqda fakkret ukoll li fis-6 ta’ Awwissu ġie ċċelebrat il-110 anniversarju mit-twelid tiegħu. "Iż-żmien jgħaddi, iżda hemm nies li l-memorja tagħhom ma titħassarx, għaliex dak li wettqu jibqa’ jitkellem għalihom," kitbet. Fil-messaġġ issemmew il-konvinzjonijiet li mexxew lil Mintoff tul il-karriera politika tiegħu, fosthom il-ġustizzja soċjali, l-ugwaljanza u s-solidarjetà, kif ukoll il-ħidma tiegħu favur il-ħaddiema, il-familji u dawk li kienu l-aktar fil-bżonn.

"Il-ġenerazzjonijiet jgħaddu u ż-żminijiet jinbidlu, iżda l-istorja ma tintesiex," kompliet l-Għaqda, filwaqt li sostniet li l-wirt ta’ Mintoff għadu mfakkar permezz tal-bidliet u l-kisbiet soċjali li seħħew matul is-snin tiegħu fil-politika. Il-messaġġ, iffirmat miċ-Chairman tal-Għaqda Josef Grech, jagħlaq bi kliem emozzjonanti, "Għaddew 14-il sena minn meta għalaqt għajnejk għall-aħħar darba, Perit, iżda għal ħafna Maltin ismek, il-memorja tiegħek u dak li emmint fih għadhom ħajjin."

"Strieħ fis-sliem, Perit. Malta ma tinsiex lil min ta ħajtu għas-servizz tagħha."

Ritratti:

Facebook / Memorji Dom Mintoff

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI