Bil-Filmat: “Qabel Niġġudikaw, Ejjew Nippruvaw Ngħinu” – Il-Viċi Sindku Tas-Swieqi B’Messaġġ Dwar Persuni Li Jorqdu Barra

Il-Viċi Sindku tas-Swieqi, Jordan Galea Pace, qasam messaġġ b’saħħtu fuq il-midja soċjali wara li lemaħ persuna rieqda fuq bank fis-Swieqi, f’nofs is-sħana qawwija tas-sajf. Minflok għażel li jiġġudika jew jagħmel spettaklu mis-sitwazzjoni, Galea Pace qal li l-ewwel ħsieb tiegħu kien li jipprova jsib lill-persuna u jara b’liema mod seta’ joffrilha l-għajnuna.

"L-aktar ħaġa faċli tkun li niġġudika u nirrapporta meta nara persuna rieqda fit-toroq tagħna. Imma meta rajt persuna rieqda fuq bank fis-Swieqi f’din is-sħana tas-sajf, ħsibt: x’uman inkun jekk nagħmel spettaklu minn persuna li diġà qed tbati?" kiteb.

Il-Viċi Sindku spjega li ma kienx jaf l-istorja tal-persuna u għalhekk mar ifittixha bit-tama li jkun jista’ joffrilha l-għajnuna jew jinfurmaha dwar servizzi u għażliet disponibbli, fosthom dawk offruti mill-YMCA u l-Foodbank. Madankollu, meta mar ifittixha ma rnexxilux isibha.

Galea Pace appella biex bħala soċjetà ma nagħlqux għajnejna quddiem ir-realtà ta’ persuni li jinsabu f’diffikultà u jispiċċaw jorqdu fit-toroq. "Ejjew bħala nazzjon, li dejjem kellna qalb ma’ min hu fil-bżonn, ma nagħlqux għajnejna għal din il-pjaga li qed naraw dejjem aktar f’Malta," sostna.

Hu temm il-messaġġ tiegħu billi fakkar li wara kull sitwazzjoni hemm persuna u storja li mhux dejjem inkunu nafuha. “Fuq kollox, aħna lkoll umani u mhux kulħadd kellu l-istess opportunitajiet fil-ħajja. Qabel niġġudikaw, ejjew nippruvaw ngħinu.”

Ritratti:

Facebook / Jordan Galea Pace

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI