Ġurnata mimlija emozzjonijiet għall-familja ta’ Maria Luana, hekk kif bintha Carly Jae llum qed tiċċelebra għeluq is-sitt snin tagħha. Għal din l-okkażjoni, Maria qasmet messaġġ mill-qalb dwar it-tifla li ġabet tant ferħ f’ħajjithom.
Maria ddeskriviet lil Carly bħala "ballun ta’ enerġija", iżda fuq kollox bħala tifla mimlija mħabba u attenzjoni lejn dawk ta’ madwarha. Irrakkontat kif ta’ età daqshekk żgħira, Carly dejjem tagħmel ċert li l-ġenituri tagħha jinsabu tajbin, tinkwieta għalihom u turihom kontinwament kemm tħobbhom.
"Carly hi tifla determinata, ambizzjuża, rasha iebsa, avventuruża u sensittiva immens," kitbet Maria, filwaqt li żiedet li waħda mill-isbaħ kwalitajiet tagħha hija l-qalb kbira li għandha. It-twelid ta’ Carly seħħ f’perjodu partikolari ferm għall-familja. Hija twieldet fl-2020, meta d-dinja kienet għaddejja mill-pandemija tal-Covid-19. Maria fakkret li minkejja l-biża’ u d-dwejjaq ta’ dak iż-żmien, il-wasla ta’ binthom ġabet magħha ferħ kbir.
Għal Maria, Carly mhix biss bintha. Iddeskrivietha bħala l-aqwa ħabiba tagħha, il-"lucky charm" u l-"partner in crime" tagħha, kif ukoll il-persuna li kultant tittestjalha l-paċenzja iżda fl-istess ħin tagħmilha tħossha kompluta. Fil-messaġġ tagħha, Maria wasslet ukoll diversi pariri lil bintha għall-futur. Ħeġġitha biex l-ewwel u qabel kollox tħobb lilha nnifisha, tagħżel dak li jagħmilha kuntenta, tibqa’ umli u ta’ qalb tajba u ddawwar lilha nnifisha b’nies li japprezzawha għal dak li hi.
Maria wegħditha wkoll li hi u missierha se jkunu dejjem maġenbha matul il-vjaġġ tagħha. Anke jekk fil-ħajja jkun hemm il-waqgħat, huma se jkunu hemm biex jerġgħu jqajmuha u jkomplu mexjin flimkien. "Nitlob lil Alla jżomm idu fuqha, ikompli jimlieha bis-saħħa u l-perseveranza, u jwassalha f’dawk il-postijiet kollha li tixtieq qalbha," kitbet.
Maria temmet b’dikjarazzjoni mill-isbaħ ta’ mħabba lejn uliedha, "Carly, kieku nista’ naqla’ qalbi u nurik kemm hi kbira l-imħabba li għandi għalikom… Inħobbuk bla qies. Mama u Papa." Nawguraw lil Carly Jae l-isbaħ xewqat f’għeluq sninha!
Facebook / Maria Luana