Il-kantant Ivan Grech qasam mument mill-isbaħ hekk kif, wara snin twal ifittex lill-ewwel għalliema tiegħu fl-Iskola Primarja tal-Isla, fl-aħħar irnexxielu jerġa’ jiltaqa’ magħha madwar 51 sena wara. Ivan spiss irrakkonta kif Ms Muscat kienet waħda mill-ewwel persuni li għarfet it-talent tiegħu fil-kant. Meta kien għadu tifel, kien ikanta għaliha waqt il-brejk u hi kienet tieħdu fi klassijiet oħra biex jaqsam it-talent tiegħu ma’ studenti oħra.
Għal snin sħaħ ipprova jsibha mingħajr suċċess, sakemm dehra fil-programm Illum ma’ Steph wasslet għal informazzjoni ġdida. Eventwalment skopra li Carmen Muscat kienet minn Ta’ Sannat u rnexxielu jagħmel kuntatt magħha. “Ftit ġimgħat ilu fl-aħħar irnexxieli nerġa’ niltaqa’ ma’ Ms Muscat, madwar 51 sena wara. Imma, kif ngħidu, qatt mhu tard wisq,” kiteb Ivan.
Il-laqgħa kienet waħda emozzjonanti, mimlija tifkiriet dwar żmien tfulitu, ommu u l-ewwel snin tiegħu fil-kant. Ivan żvela wkoll li issa qed jippjanaw li flimkien iżuru l-Isla u l-iskola fejn bdiet din l-istorja. Għalih, din il-laqgħa kienet ukoll tfakkira tal-impatt kbir li għalliem jista’ jħalli fuq il-ħajja tal-istudenti tiegħu.
“Dan juri kemm l-għalliema għandhom rwol u impatt qawwi fuq l-istudenti tagħhom u kemm jikkontribwixxu għall-futur tagħhom,” temm jgħid. Il-kanzunetta Show Me How To Love You tieħdu dimensjoni ġdida issa li sabha!
Facebook / Ivan Grech