Mark Galea Pace, f’isem Coast is Clear, għadda messaġġ dwar is-sajf diffiċli li għaddew minnu s-siġar żgħar li ġew imħawla bħala parti mill-ħidma ambjentali tal-organizzazzjoni.
Huwa spjega li, minkejja li t-tħawwil tas-siġar jista’ jidher bħala attività sabiħa u divertenti fix-xhur tax-xitwa, ftit jindunaw bis-sagrifiċċju u l-isfida kbira li hemm wara biex dawn is-siġar jibqgħu ħajjin matul ix-xhur sħan.
Is-sajf ta’ din is-sena kien partikolarment iebes għal Coast is Clear minħabba s-sħana estrema u n-nixfa, tant li ntilfu diversi siġar. "Kien sajf iebes u sħun ħafna... kull sena qed issir aktar iebsa," jikteb Mark.
Minkejja dan, hemm ukoll aħbar pożittiva: 804 siġar ta’ Coast is Clear irnexxielhom jgħaddu minn dan is-sajf diffiċli. Mark appella lill-pubbliku biex jgħin fit-tħawwil mill-ġdid ta’ kemm jista’ jkun siġar minn dawk li ntilfu.
Huwa talab donazzjonijiet permezz ta’ Revolut jew BOV Mobile fuq 9944 1758, u biex mad-donazzjoni tinkiteb il-kelma “TREES”.
Hu saħaq li kull kontribuzzjoni, anki jekk żgħira, tista’ tagħmel differenza biex ikompli l-isforz favur aktar siġar u ambjent aktar aħdar.