Aħbar importanti fix-xena gastronomika lokali hekk kif BAHIA ħabbar li l-kapitlu tiegħu fil-Corinthia Palace f’Ħal Balzan wasal biex jintemm. Ir-ristorant, li tul is-snin kiseb rikonoxximent importanti fosthom stilla MICHELIN, ħabbar li l-aħħar servizz tiegħu f’dan il-post se jsir fis-17 ta’ Ottubru 2026.
“Li tifred qatt mhu faċli. Xi drabi jiġri bla mistenni, u drabi oħra ċ-ċirkostanzi jwassluna f’direzzjoni differenti,” beda l-messaġġ ta’ BAHIA fuq il-midja soċjali. It-tim fakkar fl-aħħar għaxar snin, li matulhom ħadem biex joħloq esperjenzi speċjali għal dawk kollha li żaru r-ristorant. Kienu snin li raw diversi okkażjonijiet jiġu ċċelebrati madwar l-imwejjed tagħhom, ħbiberiji jissaħħu u ħafna nies sempliċement igawdu ikla tajba flimkien.
BAHIA kien ukoll kiseb stilla MICHELIN, wieħed mill-aktar rikonoxximenti prestiġjużi fid-dinja tal-gastronomija. Aktar tard, ir-ristorant baqa’ msemmi u rakkomandat fil-MICHELIN Guide, iżda mingħajr l-istilla. Iżda għal dawk li jħobbu BAHIA, din mhix aħbar ta’ għeluq definittiv!
“L-istorja tagħna tkompli. Diġà qed nippjanaw il-kapitlu li jmiss ta’ BAHIA u nistennew bil-ħerqa li naqsmu aktar magħkom fiż-żmien li ġej,” żvela t-tim. Għalissa għadhom ma ngħatawx dettalji dwar fejn jew f’liema forma se jkompli BAHIA, iżda jidher ċar li t-tim diġà qed jaħdem fuq dak li jmiss.
Sadanittant, ir-ristorant se jibqa’ jilqa’ lill-klijenti fil-Corinthia Palace sal-aħħar servizz tiegħu fis-17 ta’ Ottubru. Żgur li ħafna se jkunu kurjużi biex jaraw x’se jkun il-kapitlu li jmiss għal BAHIA!
Instagram / Bahia